Saturday, December 4, 2021

20 xahar ħabs talli seraq ħames arloġġi minn ‘stationery’ f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Aaron Steven Steward Edward Ritchie ta’ 37 sena ntbagħat 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq ħames arloġġi Casio minn ġewwa stationery fi Pjazza Antoine de Paul, Raħal Ġdid.

Il-każ imur lura għad-29 ta’ Ottubru 2019. Ritchie nstab ħati wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu permezz ta’ żewġ digrieti li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti emmnet il-verżjoni taż-żewġ impjegati tal-ħanut li kienu raw lil Ritchie jaġixxi b’mod suspettuż fejn kien qed iżomm b’idu fuq żaqqu l-ġakketta li kienet tidher mimlija minn taħt, b’oġġetti bil-ponta u rrifjuta li jurihom x’kellu.

L-impjegati kienu nnotaw ukoll li kien hemm diversi arloġġi bil-kaxxi tagħhom neqsin minn ġol-vetrina fil-ħanut fejn waħda minnhom kienet ikkonfrontatu. Il-Qorti osservat ukoll illi s-serratura tal-vetrina ma baqgħetx tissakkar wara dan l-episodju, fejn qabel din kienet tinfetaħ u tissakkar mingħajr diffikultà.

Il-Qorti qalet li huwa minnu li l-arloġġi baqgħu ma nstabux fuq il-persuna tal-imputat u lanqas fir-residenza tiegħu iżda mill-provi kollha, kienet konvinta li kien hu u ħadd iktar li seraq mill-ħanut. 

“Huwa minnu li l-imputat ma kienx obbligat jiftaħ il-ġakketta u juri lill-impjegati tal-istabbiliment dak li kien qiegħed effettivament iġorr taħtha, iżda fl-istess ħin, jekk verament ried iwarrab is-suspetti tagħhom li kien seraq mill-ħanut, il-Qorti tistenna li huwa ma kienx ikollu diffikultà biex jikxef l-oġġetti li kellu taħt ħwejġu, jekk kien minnu li, kif sostna huwa stess dawn kienu tiegħu,” qalet il-Qorti. 

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Maġistrat Rachel Montebello qieset diversi fatturi fosthom il-fedina penali refrettarja tal-imputat li minkejja li ngħata numru ta’ opportunitajiet, huwa “naqas milli jagħraf jimxi fit-triq it-tajba u jżomm ‘il bogħod mid-delikwenza.”

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu 20 xahar priġunerija. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga. 

Il-Qorti ordnatlu wkoll sabiex iħallas lil sid il-ħanut is-somma ta’ €850 bħala kumpens għat-telf soffert b’riżultat tar-reat ta’ serq u dan fi żmien sitt xhur mid-data meta jkun skonta l-piena ta’ priġunerija. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paul Camilleri.

Sport