Thursday, December 2, 2021

82% inqas spezzjonijiet fil-ħwienet

Aqra wkoll

Permezz ta’ riforma tal-mod kif isiru l-ispezzjonijiet tal-gvern, is-Servizz Pubbliku naqqas bi 82% in-numru ta’ spezzjonijiet li jsiru lin-negozji minn dipartimenti u minn entitajiet governattivi. Ir-riforma tbiddel ukoll l-oġġettivi tal-ispezzjonijiet li issa iktar tindirizza l-kwalità tan-negozji li qed tkun rikonoxxuta b’awards.

Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, li qal li f’din is-sena saru 928 spezzjoni, minflok 5,231 spezzjoni li kienu jsiru bil-mudell antik, filwaqt li nżamm l-istess livell ta’ monitoraġġ.

Dan kien possibbli permezz ta’ struttura ta’ koordinament li daħħal is-Servizz Pubbliku fi ħdanu. Din l-istruttura tiġbor l-informazzjoni meħtieġa minn madwar 30 entità, tibni formola tal-assessjar bir-rekwiżiti u tintbagħat lin-negozju. Ir-riżultat tar-riforma kien li fejn qabel kienu jsiru 6 jew 7 spezzjonijiet minn entitajiet differenti, issa ssir spezzjoni waħda biss.

It-tip ta’ informazzjoni li tinġabar tvarja skont it-tip ta’ negozju, iżda tinkludi aspetti varji fosthom l-aċċessibbiltà, is-sigurtà fl-istabbiliment, is-sorveljanza tas-suq fuq standards Ewropej tal-prodotti, indikazzjoni ta’ prezzijiet u l-kundizzjonijiet tal-impjegati, fost l-oħrajn.

Waqt konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, tnediet ukoll sistema ġdida li permezz tagħha stabbilimenti lokali li jkollhom l-ogħla standards ta’ konformità mal-liġijiet se jibdew jiġu rikonoxxuti. Iċ-ċertifikat ‘High Standard of Compliance’ juri li stabbiliment ikun qed jimxi mar-regoli fis-seħħ u qed jissodisfa l-obbligi legali kollha, b’aktar serħan il-moħħ għall-konsumaturi.

Ġie spjegat kif b’din l-inizjattiva l-gvern qed jirrikonoxxi u jippremja l-kwalità tan-negozji. F’din il-konferenza ġew rikonoxxuti 15-il stabbiliment mill-qasam tal-home appliances, b’dan is-settur iservi ta’ proġett pilota għat-tnedija ta’ dan iċ-ċertifikat. Aktar tipi ta’ negozji se jiżdiedu fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri qal li dan il-gvern jemmen fis-saħħa li l-għodda diġitali tagħti lill-operat kummerċjali. “Grazzi għal assistenza pprovduta mill-MITA, saru l-preparamenti kollha biex daħlet fis-seħħ sistema elettronika tal-ispezzjonijiet. B’hekk meta jmur spettur fuq il-post, juża tablet biex l-informazzjoni tiddaħħal mal-ewwel fuq sistema diġitali. Immedjatament kull entità involuta tirċievi l-informazzjoni rispettiva tagħha biex tkun tista’ tiġi evalwata. L-għaqal fl-ippjanar anke hawn reġa’ kien preżenti, xhieda kemm din hi riforma ta’ livell għoli ħafna,” sostna l-Ministru Schembri.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li b’din il-ħidma, is-Servizz Pubbliku qed inaqqas dejjem aktar il-burokrazija żejda, iżid it-trasparenza u jkattar l-effiċjenza għan-negozji. “Il-kwalità tas-servizzi pubbliċi li noffru kienet prijorità u se tibqa’ ċentrali fil-ħidma tagħna. Huma inizjattivi bħal dawn li jressquna aktar lejn servizz ta’ eċċellenza, fejn il-klijent tas-Servizz Pubbliku, din id-darba n-negozji, jirċievi servizz mingħajr taħbil il-moħħ,” ikkonkluda s-Sur Cutajar.

Sport