Saturday, December 4, 2021

AĠĠORNAT: L-arrest ta’ tliet żgħażagħ b’rabta ma’ sejba tad-droga fil-Marsa dikjarat invalidu

Aqra wkoll

Tliet persuni li tressqu l-Qorti fuq akkużi dwar traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus kellhom l-arrest tagħhom iddikjarat invalidu mill-Qorti wara li rriżulta li dawn ma ngħatawx kopja tal-mandat li jawtorizza l-arrest tagħhom.

Żagħżugħ ta’ 17-il sena mill-Marsa li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq flimkien ma’ Melchior Portelli ta’ 24 sena mill-Marsa u Loredana Agius ta’ 24 sena mill-Belt Valletta tressqu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli llum waranofsinhar.

L-Ispettur Justine Grech, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur TomJoe Farrugia, qalet fil-Qorti li l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li kien qed isir traffikar ta’ droga f’remissa fil-Marsa u residenza li fiha kien joqgħod iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena. 

F’rejd li għamlet il-pulizija fiż-żewġ proprjetajiet fl-istess ħin, sabet lil ċertu Luke Orsini ġewwa proprjetà minnhom. Fir-remissa nstabu qratas suspettati eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Mill-istess post il-Pulizija kkonfiskat ukoll apparat elettroniku fosthom CCTV cameras u monitors, tliet karozzi tal-għamla BMW, Jaguar u Mercedes u ammont ta’ deheb.

Fuq il-post issejħu uffiċjali mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali hekk kif fir-remissa kien hemm żiemel tat-tiġrija u kelb pitbull. F’rejd ieħor f’residenza fi Triq is-Serkin, il-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina u eroina li wkoll kienet lesta biex tkun traffikata. B’kollox instabu mal-120 qartas droga.

Wara li l-Avukati Difensuri kkontestaw il-validità tal-arresti, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli qalet li l-liġi tgħid ċar li ladarba jinħareġ il-mandat ta’ arrest, dan għandu jingħata lill-persuni arrestati mal-ewwel opportunità. Billi dan ma seħħx, il-Qorti qalet li ma kinitx se tiddikjara li l-arrest kien validu.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi tal-irġiel, u l-każ kontra t-tliet akkużati se jkompli, għalkemm m’għadhomx jinżammu taħt arrest.

Ir-raba’ akkużat Luke Orsini wieġeb mhux ħati tal-akkużi ta’ pussess tad-droga iżda l-arrest tiegħu kien dikjarat bħala validu. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Sport