Tuesday, April 23, 2024

ARA: “Il-kowċ tat-tim nazzjonali se jkun barrani u wiċċ ġdid għall-waterpolo lokali”

Karl Izzo – President ġdid ASA

Aqra wkoll

Fil-kwartieri ġenerali tal-ASA,  f’Tal-Qroqq, ġiet indirizzata konferenza stampa għall-ewwel darba mill-president il-ġdid, Karl Izzo.

Fost oħrajn, huwa kkonferma li l-kowċ tat-tim nazzjonali tal-waterpolo se jkun barrani u wiċċ ġdid għall-waterpolo lokali, li mistenni jinħatar f’Jannar li ġej. Dan filwaqt li kkonferma wkoll li l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali Anthony Farrugia irriżenja mill-kariga u anke mill-kariga ta’ kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa tal-waterpolo, hekk kif issa se jkun responsabbli mill-juniors tal-club Għawdxi ta’ Otters.

YouTube video

Mistoqsi minn dan il-ġurnal jekk wara li ġie maħtur president tal-ASA għamilx kuntatt mal-eks president tal-istess assoċjazzjoni Joe Caruana Curran huwa qal li ilhom ma jikkomunikaw flimkien sa mll-Kampjonati Ewropej li saru fi Split fil-Kroazja, fejn huwa offrielu l-kariga ta’ president onorarju tal-ASA iżda s’issa għadu ma sema’ xejn mingħand Caruana Curran.

Huwa kompla billi qal li għalkemm ġej mill-kamp tal-waterpolo se jkun qed jagħti importanza lill-isport kollu akkwatiku, fosthom l-open water swimming u l-għawm sinkronizzat. Fi kliemu: Għalkemm ħafna jafuni bħala plejer tal-waterpolo u aktar tard kowċ, jien għandi għal qalbi kull tip ta’ sport akkwatiku ieħor. Se nkun qed nara li sport bħal għawm u dak artistiku jkomplu jiżviluppaw sabiex eventwalment naraw mhux biss progress iżda wkoll aktar parteċipazzjoni minn dawk involuti.

Mistsoqsi wkoll x’se jkun qed jagħmel biex il-messaġġ tal-ASA jasal aħjar hemm barra, huwa wieġeb li: “Ħa ngħid il-verita’ mhux kuntent sa barra minħabba li nixtieq li l-messaġġ jasal aktar u għand firxa kbira ta’ nies. Jekk niġi elett bħala president se nara li jkolli media officer miegħi sabiex ninfiltraw iktar mhux biss fuq radju, televiżjoni u gazzetta iżda anke fil-media soċjali li kulħadd jaqbel li llum saret ferm importanti u mfittxija.

Il-ħatra ta’ media officer tista’ tgħinna sabiex mhux biss inwasslu l-messaġġ iżda wkoll li naraw żieda fil-parteċipazzjoni f’dawn l-isport akkwatiċi.”

Dan filwaqt li reġa’ ta ħarsa lejn il-ħames pilastri li bihom se jkun qed jaħdem tul dawn it-tliet snin ta’ presidenza:

Fi kliemu: “Jien personalment ħsibt ħafna fuq x’inhuma l-bżonnijiet ta’ dan l-isport. Għalhekk ħloqt 80 proposta li ovvjament ma jistgħux isiru kollha f’daqqa iżda f’numru ta’ snin. Għażilt affarijiet li bla dubju jistgħu jiġu attwati u li se jservu ta’ ġid għal min hu involut fil-waterpolo.

L-ewwel pilastru ferm importanti hu pjan strateġiku sabiex ikun hemm organizzazzjoni aħjar tal-assoċjazzjoni fuq tul ta’ żmien.

It-tieni pilastru jirrigwardja l-istabbilta’ finanzjarja li ovvjament l-assoċjazzjoni tkun finanzjarjament vijabbli li tibqa’ topera mingħajr problemi.

Nemmen ħafna fil-programmi edukattivi u coaching clinics u għalhekk qed naħseb sabiex nesponu din il-logħba mat-tfal Maltin u Għawdxin anke billi nżuru l-iskejjel. Dan għalija hu t-tielet pilastru.

Ir-raba’ pilastru hu li jkollna kompetizzjonijiet aktar interessanti u attraenti u jekk jista’ jkun li nilagħbu tul is-sena kollha jew inkella nestendu l-istaġun tal-waterpolo.

Finalment l-aħħar pilastru għandu x’jaqsam ma’ Għawdex fejn irridu nkattru aktar dan l-isport meta tqis li l-gżira ġara tagħna hi iċken u wkoll imdawra bil-baħar. Il-potenzjal hu kbir speċjalment ukoll meta dalwaqt tiftaħ il-pixxina fir-Rabat, Għawdex.”

Intant, ingħataw dettalji rigward l-Enemed Cup li se tkun qed tibda proprju llum bl-ewwel konfronti jkunu s-segwenti:

Exiles Welbee’s v Valletta Izibet                                 2.30pm

Birzebbugia Freeport v San Ġiljan JP Products           3.35pm

Marsaskala v Sliema Frank Salt Real Estate                4.40pm

Sirens ASC v Neptunes Videoslots                              5.45pm

Karl Izzo saħaq fuq l-importanza ta’ din il-kompetizzjoni hekk kif tkun qed tesponi talent żagħżugħ filwaqt li tipprepra lit-timijiet għall-Kampjonat tax-Xitwa u dak tas-Sajf. Dan filwaqt li rringrazzja bis-sħiħ lill-Enemed talli għal sena oħra qed jisponsorjaw din il-kompetizzjoni.

Sport