Thursday, March 28, 2024

Is-Sindku tal-Munxar jgħid li l-BBQ f’Ta’ Sannat sar b’mod illegali

Il-Qorti tiddeċiedi li l-festa għandha tkompli kif skedat fi smigħ b'urġenza

Aqra wkoll

Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri, b’risposta għal artiklu fuq talk.mt u anke fuq siti oħrajn dwar dak li ġara nhar is-Sibt filgħaxija waqt il-ħruq tan-nar tal-Festa ta’ San Pawl, sostna li l-BBQ li sar li fih weġġgħu żewġ persuni sar b’mod illegali.

Din hija r-risposta li bgħat is-Sindku tal-Munxar:

Min jafni, jaf li jien persuna kawta ħafna u nemmen li diżgwid jiġi irranġat b’diskussjoni u kompromess mhux bl-inkejja.

Pero quddiem ċertu qerq inkun nonqos jekk l-affarijiet ma jiġux iċċarati.

  1. Il-permessi sabiex jinħaraq in-nar tal-ajru kienu kollha konformi mal-liġi u spezzjonati bir-reqqa mill-pulizija.
  2. F’ta’ l-inqas żewġ okkażjonijiet persuni li nstigaw il-mandatt daħlu fiż-żona magħluqa fejn jinħaraq in-nar mingħajr permess u meta suppost l-aċċess kien magħluq għall-pubbliku kif stipulat fil-permess.
  3. Il-provokazzjonijiet ma waqfux. Wara ftit minuti li bdiet il-ħarqa tan-nar ġew mixgħula l-floodlights tal-football ground f’Ta’ Sannat biex ittellef il-viżwali tal-ispettaklu. Ta’ min jgħid li dan sar b’mod abbużiv għaliex l-aċċess kien magħluq ħabba sigurtà u f’dak il-ħin ħadd ma setgħa jidħol fiż-żona minħabba l-ħruq tan-nar.
  4. Barra min hekk grupp ieħor ta’ persuni ma osservawx id-distanza u daħlu fl-ghelieqi joffendu u jintimidaw lill-grupp tan-nar eżattament waqt li kien għaddej il-ħruq tan-nar. Hawnhekk ukoll ma ġietx osservata ż-żona magħluqa għall-aċċess u dawn in-nies spiċċaw jidħlu fejn kien qed jinħaraq in-nar.
  5. F’Ta Sannat ġie organizzat BBQ waqt il-ħarqa tan-nar eżattament ftit metri ‘il bogħod minn fejn jinħaraq in-nar. Nifhem li dan ma kienx kopert minn l-ebda permess tal-pulizija. Hu irresponsabbli min minn jeddu organizza din l-attività mingħajr permess ftit metri ‘il bogħod minn fejn jinħaraq in-nar.

Din l-istess attività, organizzata b’mod illegali, ppruvat tintuża sabiex twaqqafna milli naħarqu l-logħob tan-nar li kien kollu kopert skont il-liġi.

  1. Kif isir kull sena persuni liċenzjati t-Tnejn l-ewwel xogħol filgħodu jaċċessaw l-iskola u l-grawnd tal-football Ta’ Sannat sabiex inaddfu u jispezzjonaw il-post u jaraw li ma jkun hemm l-ebda periklu żgħir kemm hu żgħir.

Irrid min hawn nirringrazzja lill-grupp tan-nar u lill-pulizija li mxew b’reqqa mall-liġi sabiex ikollna kollox kif stipulat.

Nappella sabiex ħaddieħor josserva ukoll il-liġi b’sens ta’ rispett u rieda tajba.

Mhux ħa nħalli l-ebda intimidazzjoni tkisser il-komunità tagħna.

Nerġgħa intenni, fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa u l-għaqda rebħet fuq il-firda.

Aktar kmieni: ARA: Mara bi ġrieħi f’wiċċha u raġel bi ġrieħi f’żaqqu wara li ntlaqtu minn murtal tal-festa tal-Munxar

Żewġ persuni li kienu qegħdin għal BBQ f’Ta’ Sannat spiċċaw sofrew ġrieħi u kellhom anke jittieħdu lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li ntlaqtu minn murtal sparat fil-festa tal-Munxar. Filwaqt li mara sofriet ġrieħi f’wiċċha, raġel ieħor sofra ġrieħi f’żaqqu wara li murtal mill-festa tal-ġirien tagħhom spiċċa fit-triq fejn kienu qegħdin jorganizzaw attività u ieħor spiċċa mal-faċċata ta’ residenza fl-istess lokalità.

Intant b’rabta ma’ dan il-każ ilbieraħ il-qorti ċaħdet mandat tas-sindku tas-Sannat biex iwaqqaf il-logħob tan-nar tar-raħal ġar tal-Munxar fi smigħ li nstema’ b’urġenza. Dan ifisser li l-wirja tal-logħob tan-nar se tkun qiegħda issir kif skedat fil-lokalità li qed tiċċelebra l-festa ta’ San Pawl.

Is-Sindku tas-Sannat jisħaq dwar il-bżonn li n-nies iħossuhom siguri

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal dan il-verdett is-Sindku tas-Sannat Philip Vella qal li l-interess tal-Kunsill jibqa’ dejjem li jissalvagwardjaw l-interessi tar-residenti Sannatin u li wara li s-Sibt weġġgħu xi nies kellha tittieħed azzjoni.

Is-Sindku tas-Sannat, f’kummenti lil talk.mt qal li “ilna ħafna nagħmlu pressjoni mas-Supretendent tal-Pulizija biex tal-inqas jinvestiga u jaċċertana li m’hemmx periklu. Però xorta m’għamel xejn.

“Il-Pulizija flow raw kif se jiproteġu lir-residenti ħallew li jsir inċident… kellna propju nieħdu azzjoni aħna biex wara l-mandat il-pulizija niżlu jaraw flimkien mal-perit u uffiċjali oħrajn.”

Is-Sindku Vella allega li s-Supretendent tal-Pulizija lanqas kien jaf fejn kienu l-kanent minn fejn jisparaw. Allega li “dan joħroġ ċar li lanqas biss kien jaf jekk kienx hemm distanza jew le.”

“Qed tinxterred informazzjoni invertiera fuq siti tal-aħbarijiet u l-mezzi soċjali li b’xi mod irridu ntellfu l-festa tal-ġirien tagħna. Dan mhux minnu, nisħqu però li l-pulizija għandha tassigura li l-kundizzjonijiet fil-permessi jiġu osservati skond il-liġi. Se nibqgħu nkunu l-vuċi għar-residenti Sannatin sabiex iħossuhom siguri f’darhom stess”, temm Vella.

Ekonomija

Sport