Saturday, November 27, 2021

ĊERTIFIKAT TAL-VAĊĊIN

Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

F’ħafna nħawi tal-Ewropa sar obbligatorju li biex tidħol f’ristorant jew anke kafe, trid qabel turi ċ-ċertifikat li ġejt imlaqqam għal kontra l-Covid-19 (għalkemm mhux l-istabbilimenti kollha jagħmlu l-ispezzjonijiet bl-istess kawtela).

Quddiem ir-raba’ mewġa tal-pandemija li tielgħa sew, gvernijiet qed jikkunsidraw kif jibdlu ż-żmien li matulu ċ-ċertifikat jibqa’ validu, anke għax iridu jdaħħlu t-tielet tilqima (l-“booster”) fost kulħadd.

Iċ-ċiniżmu u d-dwejjaq rebħu lil ħafna u mhux biss fost dawk li baqgħu jirrifjutaw li jiġu vaċċinati. 

Biss jgħidu xi jgħidu dawk li ma jaqblux mal-vaċċin, bl-ebda mod ma qed juru li għandhom xi soluzzjoni aħjar x’joffru. L-argumenti dwar konfoffa enormi biex l-azjendi farmċewtiċi l-kbar jagħmlu profitti enormi ma jwasslux wisq bogħod. Il-vaċċin u l-użu taċ-ċertifikat tiegħu huma l-aqwa għodod li għandna sa issa biex waqt li nrażżnu l-imxija, nibqgħu ngħixu ħajja “normali”.

***

L-ENERĠIJA NUKLEARI

Ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea — il-Lussemburgu, il-Portugall, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Ġermanja — ħarġu stqarrija fejn insistew li ma jaqblux li investimenti fl-enerġija nukleari jitqiesu bħala proġetti li jiswew għal kontra il-bidla fil-klima tad-dinja. Proġetti b’dar-rikkonoxximent se jibbenefikaw minn trattament finanzjarju aħjar.

L-oġġezzjonijiet għall-qawwa nukleari bħala sors ta’ enerġija baqgħu li dejjem kienu: il-biża’ ta’ żbroff katastrofiku qatt ma jista’ jitneħħa għal kollox; u d-diffikultajiet kbar biex jitwarrbu b’mod żgur il-fdalijiet radjo-attivi li jirriżultaw mill-proċessi li jiġġeneraw l-enerġija nukleari.   

Imma mil-lat ta’ klima, l-impjanti nukleari ma jikkontribwixxu xejn għal kwalunkwe bidla fiha, u sakemm ma “jisplodux” jipprovdu enerġija bi prezz stabbli.

Niftakar darba Prim Ministru ta’ Malta kien staqsieni naqbilx mal-idea ta’ impjant nukleari għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Ma kontx neskludih, weġibtu.

***

KONTRA L-METRO

Insibha kurjuża oġġezzjoni li tinġab għall-kostruzzjoni ta’ metro f’Malta: It-tħaffir tal-art li tirrekjedi, jintqal, żgur ikun tal-aqwa dannu għall-wirt naturali u arkeoloġiku li jinsab taħt l-art. 

Bħallikieku dad-dannu mhux diġà għaddej u b’akbar qawwa bil-bini li qed jitħalla jsir kull fejn iddawwar għajnejk.

Imbagħad hemm il-punt li sistemi tal-metro jeżistu u għadhom qed jitkabbru fl-aqwa bliet Ewropej, f’Pariġi, Ruma, Londra u ma nafx fejn aktar, kollha ċentri storiċi fejn bla dubju, taħt l-art għandhom fdalijiet storiċi prezzjużi daqs u aktar minn tagħna. Allura x’jagħmlu biex waqt li jibnu metro, kemm jista’ jkun iħarsu l-wirt tagħhom? U jekk għamluha huma, ma tistax l-istess ħaġa ssir fostna?

Nifhem li l-argument kontra proġett jew ieħor dejjem jaqbel li jsir jekk għandu bażi soda. Imma ċertu tfettiq kemxejn bla sens, itellef mis-siwi anke ta’ argument validu.

Sport