Saturday, December 4, 2021

Dwayne Johnson f’thriller avventuruż

Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“Eternals” kompla jirrenja fil-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda biex anke sar wieħed mill-ftit films li din is-sena qabeż iċ-ċifra ta’ $100 miljun.

It-tieni l-aktar popolari kien il-film ġdid immirat għall-familja kollha “Clifford and the Big Red Dog”.  Fl-ewwel tlitt ijiem kellu dħul ta’ $16.4 miljun.  Dan il-film kien disponibli wkoll fuq il-pjattaforma diġitali Paramount Plus.  Il-film jista’ jmur aħjar fil-ġimgħat li ġejjin billi t-tfal fl-Istati Uniti bdew jieħdu l-vaċċin f’dawn l-aħħar jiem.

It-tielet post hu okkupat minn “Dune” li wara erbgħa ġimgħat għadu ma laħaqx iċ-ċifra ta’ $100 miljun mit-teatri Amerikani biss.  “Dune” hu disponibbli wkoll fuq HBO Max u dan jaffettwa d-dħul fil-box office.

Iż-żewġ postijiet l-oħra kienu okkupati minn “No Time To Die” u fil-ħames post “Venom: Let There Be Carnage”.  Dan ta’ l-aħħar u wieħed minn żewġ films li din is-sena qabżu l-$200 miljun fil-box office Amerikana.  Daqshekk inbidel ix-xenarju minħabba l-pandemija. 

Red Notice

Għal waħda mill-over-the-top media services ewlenin, it-thriller komiku “Red Notice” hu wieħed mill-akbar investimenti li saru sa issa.  Hu kkalkulat li din il-produzzjoni swiet mal-$160 miljun dollaru, fejn Ryan Reynolds u Gal Gadot tħallsu $40 miljun bejniethom u Dwayne Johnson tħallas aktar mill-co-stars tiegħu.

“Red Notice” ilaqqa’ flimkien lil dawn it-tliet atturi li fil-mument igawdi popolarità kbira mal-pubbliku.

Dwayne Johnson għandu l-parti tal-aġent tal-FBI John Hartley.  L-ispeċjalità tiegħu hi li jaqbad l-akbar kriminali li jkun hawn jiġru mas-saqajn.  Fil-mira tiegħu, nsibu żewġ ħallelin li huma rivali għal xulxin.  Wieħed hu Nolan Booth (Ryan Reynolds).  L-avversarja tiegħu hi magħrufa bħalha The Bishop (Gal Gadot).  The Bishop tkun meqjusa bħala l-akbar kriminal fejn jidħol is-serq ta’ arti prezzjuża.

L-aġent tal-FBI jipprova jilħaq ftehim ma’ Nolan sabiex jgħinu ħalli tinqabad The Bishop. Fil-mira ikun hemm tliet bajdiet ornamentali li oriġinarjament kienu rigal ta’ Anthony lil Cleopatrac.  Illum, dawn l-oġġetti tal-arti kienu jġibu l-prezz ta’ $300 miljun u kien jinsabu mifruxa ma kull rokna fid-dinja.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Rawson Marshall Thurber, “Red Notice” hu miżgħud bl-azzjoni. Tinħass ħafna l-influwenza tal-films ta’ Indiana Jones u tat-thriller “True Lies” li Arnold Schwarzenegger kien deher fih fl-1994.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (persuni taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) minħabba xi xeni ta’ vjolenza moderata, referenzi għas-sess u kliem mhux adattat għal tfal żgħar.

Clifford The Big Red Dog

Ispirat mill-kotba għat-tfal tal-awtur Amerikan Norman Bridwell, kif jindika l-isem tal-film, il-protagonist hu kelb kbir aħmar, li t-tifla Emily Elizabeth tieħu grazzja miegħu u jsir l-akbar ħabib tagħha wara li jiġi regalat lilha minn wieħed li jsalva l-annimali.  Il-kelb ma jdumx ma’ jsir ġgantesk u jispiċċa fil-mira ta’ kumpanija li tispeċjalizza fil-ġenetika u li kienet qegħda tesperiment fuq annimali li jkunu kbar ħafna.  B’hekk, Elizabeth u zijuha Casey (Jack Whitehall) iridu jeħduha kontra r-regħba tat-tmexxija ta’ din il-kumpanija.

Sadanittant, Clifford jibda jaffettwa il-ħajja ta’ kulħadd u inebbaħ lil Emily u lil zijuha, kif għandhom jiftħu qalbhom.

Fil-parti ta’ Emily, tidher it-tfajla ta’ 14-il sena Darby Camp li tlitt snin ilu dehret ġo film ieħor fejn kien hemm kelb protagonist.  Qed nirreferu għall-film “Benji”.  

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Walt Becker, il-karattru tal-kelb iżomm il-kwalitajiet ta’ ġeru ħelu u dik l-innoċenza ta’ annimali bħalu u d-direttur evita li jaqa’ li jagħmlu xi annimal ieħor jitkellem sarkastikalment bħal ma naraw f’”Sonic the Hedgehog”, “Gardield: The Movie”, “Alvin and the Chipmunks” u tant oħrajn.  L-effetti viżwali “Clifford the Big Red Dog” huma tajba.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat U (jista’ jarawh it-tfal). 

Sport