Saturday, April 20, 2024

ARA: “Ġejt iġġudikat fuq filmat u spiċċaw weġġgħu lil familti”

Jeffrey Zammit jitkellem dwar kummenti dispreġjattivi fil-konfront tiegħu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħala poplu evolvejna ħafna, konna kapaċi nagħmlu ħafna affarijiet li huma tagħna, iżda li niġġudikaw lil dak li jkun mingħajr ma nkunu nafuh hija bħal timbru ikrah li ma nistgħux niċħduh. Iddikjara dan ma’ talk.mt Jeffrey Zammit, ir-raġel li fl-aħħar jiem safa fil-mira ta’ kummenti dispreġjattivi minħabba filmat tiegħu li nxtered fil-midja. 

YouTube video
Filmat: Alan Saliba

Dan is-sit iltaqa’ ma’ Zammit fejn spjegalna minn fejn beda kollox b’rabta mal-filmat ta’ promozzjoni li l-istabbiliment tal-ikel Planet Hollywood għażel li jaħdem għal fuq is-siti soċjali. Qalilna li kien għaddej bix-xogħol tiegħu meta fid-daqqa u l-ħin irċieva telefonata mingħand il-maniġer tal-istess stabbiliment u qallu biss li kellu bżonnu għal biċċa xogħol. 

“Ma ħsibtx li riedni għal din il-biċċa xogħol, imma għal xi biċċa xogħol forsi tal-idejn jew min jaf x’taqbad tgħid li jkollu bżonn dak li jkun. Għidtlu li kif nillesti mix-xogħol kont se naqbeż sa ħdejh u hekk bqajna. Mort u kif talabni ngħinu għidtlu li xi ħaġa hekk jiena nikolha, anke minħabba li l-palk jien inħobbu u fejn nista’ noħloq tbissima fuq dak li jkun bla ma nagħmel ħsara lil ħadd jien żgur mhux se nirrifjuta”, kompla jispjega magħna r-raġel.

Zammit qalilna wkoll li hu kien staqsa lill-istess maniġer jekk il-kok kienx jaf bil-pjan u li dan iggarantilu li iva. Ftehmu li jmur bil-familja anke minħabba li għalih, Zammit il-familja għandha post speċjali fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum u jieħu pjaċir meta jkunu mdawrin miegħu. 

Kienu miftehmin li l-maniġer jagħmillu s-sinjal, hu jehmeż lil dak li kien inkarigat li jieħu l-filmat bil-mowbajl u minn hemm beda kollox. Zammit daħal fiha sew u kif qam minn fuq il-mejda qam b’ħanġra daqsxiex jistaqsi min kien sajjarlu l-laħam. Huwa staqsa b’ċertu ton għal darba darbtejn min kien sajjarlu l-laħam u ftit wara feġġ il-kok li minkejja li kien jaf bil-pjan, baqa’ maħsud mhux ħażin u ħaseb li Zammit seta’ kien klijent ieħor li kumbinazzjoni ried jilmenta.

“Iddispjaċieni biss għax jien ma għamilt ħsara lil ħadd b’dak li għamilt”

Jeffrey Zammit

“Kif għidtlek jiena l-palk inħobbu u dħalt fiha sew anke għax la nkun dħalt għal biċċa xogħol, ridt noħroġ ta’ nies. Naħseb l-akbar problema kienet persunti li minħabba li jiena raġel daqsxejn kabbari, u biex tgħaxxaq ħarġet għajta pjuttost żorra, il-kok li kien qisu sifja ħdejja, bla ma ried deher mismut”, kompla biex jgħidilna filwaqt li ddeskriva l-kwiet li waqa’ kif hu qam jagħmel dak li kienu ftehmu qabel. 

Ma’ dan is-sit, Zammit qal li tant waqa’ kwiet li jekk kienet taqa’ labra kienet kienet tinstemgħa u li kif it-ton ta’ rabja nbidel għal wieħed ta’ gratitudni, il-klijenti donnhom dehru jieħdu nifsijiet twal u jaqilbu atmosfera ta’ silenzju għal ċapċipa qawwija. 

Ma setax jonqos li l-filmat li fl-aħħar mill-aħħar inħadem għall-promozzjoni, inxtered sew fuq il-midja. Minbarra l-paġna tal-istess stabbiliment fuq il-midja kien hemm sezzjonijiet oħra tal-midja li xerrduh. 

“Kien hemm ħafna kummenti pożittivi, imma jiddispjaċik li tirċievi telefonata mingħand ommok tgħidlek isma ibni, hemm min qiegħed juża ċertu kliem ta’, anke b’mod kattiv biex ngħid hekk dwari meta lanqas biss jafuni. Jien dan kollu għamiltu senza interessi u għalija sakemm ma weġġajt lil ħadd ma kien hemm xejn ħażin f’li għamilna”, spjegalna r-raġel.

Fost kummenti oħra, kien hemm min qal li r-raġel qatt ma kiel biċċa laħam u hawnhekk huwa għamilha ċara li minn din il-biċċa xogħol kollha hu lanqas daħħal ewro li hu ewro. Barra minn hekk kien hemm sidien oħra li avviċinawh biex jirrepeti l-istess biċċa xogħol fl-istabbilimenti tagħhom u kkonferma magħna li hu rrifjuta li jirrepeti l-istess ħaġa u stedinhom jaħsbu f’xi ħaġa oħra u jiddiskutuha. 

“Jien mhux se jwaqqfuni l-kummenti ta’ dawk li lesti jitfgħu ħafna kummenti minn wara l-kompjuter. Jekk ’il quddiem jiġu opportunitajiet oħra, ma neskludix li nidħlilhom, għax sakemm jien m’jien nagħmel ħsara lil ħadd u fl-istess waqt ikun hemm min jitbissem bis-saħħa tiegħi għalija dak l-aqwa ħlas”, tenna jgħid magħna filwaqt li appella lill-pubbliku inġenerali biex ċertu kummenti bla bżonn jiġu evitati. Huwa saħaq li jekk dak li jkun forsi ma kienx interessat mill-filmat jew rah żejjed seta’ faċilment jibqa’ jqalleb u jinjora għal kollox, filwaqt li jħalli lil dawk li ħadu pjaċir jarawh fil-libertà li jagħmlu dan u jieqfu biex jitbissmu ftit qalb tensjoni li ħafna drabi ninħakmu minnha waqt il-ġurnata tax-xogħol tagħna.

Sport