It-triatleta Graham Borg kompla s-sensiela impressjonanti tiegħu ta’ riżultati fuq il-podju bi prestazzjoni oħra rebbieħa fl-iSprint Triathlon organizzata minn FiTri f’San Vito Lo Capo, Trapani, fejn kiseb it-tmien rebħa tiegħu tal-istaġun fil-kategorija tal-età Masters 2 (M2).
Din ir-rebħa kienet ukoll it-tielet waħda konsekuttiva għal Borg fuq tliet Ħdud konsekuttivi matul ix-xahar ta’ Ottubru, u għalqet xahar impenjattiv u ta’ success.
Borg fetaħ it-tellieqa b’għawma ta’ 750 metru, b’ħin ta 12-il minuta u 21 sekonda, u b’hekk bena vantaġġ ta’ madwar minuta u nofs fuq l-eqreb rivali tiegħu fil-kategorija tal-età.
Fis-segment tekniku tar-rota, huwa żamm veloċità medja ta’ 36 km/h, u zamm il-vantaġġ tiegħu fil-kategorija M2. Wara li kien temm l-għawma fil-31 post, Borg tela’ għall-20 post fil-klassifika ġenerali wara s-segment tar-rota.
L-aħħar ġirja ta’ 5 kilometri kienet deċiżiva, hekk kif il-ġlieda għar-rebħa fil-kategorija M2 kompliet tintensifika. Minkejja l-pressjoni mill-eqreb rivali tiegħu, li kien fit-tieni post, Borg żamm postu u assigura l-ewwel post fil-kategorija tal-età tiegħu, b’vantaġġ ta’ 30 sekonda,
filwaqt li temm it-tellieqa fit-22 post fil-klassifika ġenerali, f’kompetizzjoni b’saħħitha li fiha ħadu sehem 198 triatleta maskili.
Dan l-aħħar suċċess wasal tliet ġimgħat biss qabel l-aħħar impenn ta’ Borg tal-istaġun fi Sqallija, it-tellieqa fuq id-distanza Olimpika f’Mondello, Palermo. Bħalissa, huwa jinsab fil-
quċċata tal-klassifika tal-kategorija M2 u fir-raba’ post fil-klassifika ġenerali tal-kampjonat tat-triatlon Sqalli, u għalhekk jinsab f’pożizzjoni b’saħħitha qabel il-finali tal-istaġun.




