Friday, December 3, 2021

Ħidma b’risq persuni b’diżabilità vittmi tal-pillola Thalidomide

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u l-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba, flimkien mas-Sur Anatole Baldacchino, persuna b’diżabilità kawża tal-pillola Thalidomide, bdew b’ħidma biex issir pressjoni fuq livell Ewropew ħalli dawk il-persuni li sofrew diżabilità minħabba din il-pillola jingħataw kumpens mill-kumpanija, bħalma ġara fil-Ġermanja u fir-Renju Unit.

It-Thalidomide hi pillola li kienet tittieħed minn nisa tqal tard fis-snin 50 u tul is-snin 60. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se ssir pressjoni fuq livell Ewropew u anke bilaterali biex l-istess ftehim li kien intlaħaq fil-Ġermanja u fir-Renju Unit jservi ta’ bażi ħalli anke f’pajjiżna l-vittmi jingħataw kumpens mill-kumpanija.

Bħalissa għaddej xogħol importanti sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-persuni f’Malta u Għawdex li għadhom ħajjin u li jbatu minn din id-diżabilità kkawżata. Hu maħsub li f’Malta hawn bejn 30 u 40 persuna jbatu minn din id-diżabilità partikolari.

Il-pillola tat-Thalidomide kienet tittieħed minn nisa tqal li kienu jbatu minn tqalligħ ta’ stonku filgħodu jew kif inhu magħruf aħjar il-morning sickness. Il-pillola kienet prodotta minn kumpanija Ġermaniża f’nofs is-snin 50 u fl-1958 kienet bdiet tiġi prodotta wkoll fir-Renju Unit. Minkejja li fl-1961 din il-pillola kienet ġiet ikkundannata internazzjonalment, f’Malta baqgħet disponibbli sal-1968.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-każ ta’ Anatole Baldacchino jirrappreżenta każ ta’ numru ta’ persuni li kawża ta’ mediċina perikoluża li tħalliet tinbiegħ f’Malta spiċċaw b’diżabilità. “Permezz ta’ dan l-eżerċizzju qegħdin naraw li kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew Malta ssemma’ leħinha. F’ħidma konġunta mal-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba se naraw l-ewwel li jkollna statistika ta’ kemm għandna eżattament persuni b’diżabilità kawża ta’ din il-pillola u mbagħad inkomplu nifirxu ħidmietna bil-għan li ssir ġustizzja ma’ dawn il-persuni.”

L-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba qal li fil-jiem li għaddew beda bi pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex pazjenti Maltin u oħrajn Ewropej affettwati mill-pillola Thalidomide jingħataw kumpens xieraq kif ħadu pazjenti fil-Ġermanja u kif ħadu pazjenti fir-Renju Unit direttament minn fondi Ewropej.

“Bdejt din l-inizjattiva wara intervent li għamlet il-Ministru Farrugia Portelli, li flimkien magħha qegħdin naħdmu biex tinġabar l-informazzjoni u ssir anke pressjoni bilaterali fuq il-Gvern Ġermaniż biex naraw kemm mil-lat ta’ Kummissjoni Ewropea kif ukoll mil-lat bilaterali issir ġustizzja ma’ dawn il-vittmi,” qal l-Ewro-Parlamentari Agius Saliba.

Min-naħa tiegħu Anatole Baldacchino qal li nħasset il-ħtieġa li tkun iffurmata assoċjazzjoni, Thalidomide Survivors Malta, biex dawk kollha vittmi tagħha jinġabru taħt kappa waħda. “Minn riċerka li għamilt jirriżulta li din il-pillola kienet tintuża ħafna f’Malta bejn l-1958 u l-1967. Fis-sena 1961 il-pillola kienet projbita internazzjonalment imma sfortunatament f’pajjiżna baqgħet fis-suq. Ovvjament ġew affettwati tfal f’ġuf ommhom, kien hemm min lanqas laħaq twieled u oħrajn għexu għal ftit żmien. Dawn l-ammonti ma kinux ftit. L-iskop tagħna hu li niġbru lil dawk li għadhom ħajjin biex inkunu l-vuċi tagħhom kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Jien wieħed minnhom u naf x’iħossu persuni bħali u għalhekk nappella biex dawk li jaħsbu li ġew affettwati minn din il-pillola u li llum nassumi li għandhom bejn 55 u 65 sena, biex jersqu ’l quddiem u jagħtu l-informazzjoni dwarhom infushom ħalli wara jkunu jista’ jsir kuntatt magħhom,” qal Anatole.

Persuni b’diżabilità li jaħsbu li huma vittmi ta’ din il-pillola għandhom jagħmlu kuntatt mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja billi jibagħtu email fuq inclusion.misw@gov.mt.

Sport