Thursday, December 2, 2021

Il-kriżi tal-immigranti fil-fruntiera tal-Belarus… xebħ totali mas-sitwazzjoni fil-Mediterran

Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-fruntiera bejn il-Belarus u l-Polonja, hi kriżi li għandha xebħ totali mas-sitwazzjoni migratorja fil-Mediterran. Xebħ fuq diversi fronti.  L-ewwel xebħ li joqtok hu dak ta’ kif pajjiżi ikunu lesti li jużaw persuni vulnerabbli bħal dawn l-immigranti li ħallsu flejjes mhux żgħar u għamlu vjaġġi twal, għall-iskopijiet politiċi tagħhom. Qed tiġri fil-Belarus u ġrat u tiġri fil-Mediterran. Xebħ ieħor jirrigwarda l-fatt li l-kriżi li hemm fuq din il-fruntieri l-istess bħal m’huma il-vjaġġi fil-Mediterran, ma tkunx bdiet fuq dik il-fruntiera.  Dak li qed jiġri fuq il-fruntiera mhux l-istorja sħiħa imma biss parti żgħira mill-istorja. L-istorja ta’ dawn in-nies vulnerabbbli fosthom ħafna familji bit-tfal  tkun bdiet ħafna żmien qabel f’pajjiżi bħal Afganistant jew is-Sirja. 

Pajjiżi jużaw l-immigrant biex jorkestraw kaos… u l-immigranti vulnerabbli ibatu l-ġuħ, mard u temperaturi baxxi

Jekk wieħed jifli sew x’qed jiġri fil-fruntiera bejn il-Belarus u l-Polonja b’mijiet ta’ immigranti li ma jistgħux jiċċaqilqu għax quddiemhom għandom fruntiera għal Polonja imblukkata u mgħassa mis-suldati, waqt li fil-Belarus mhux qed jitħallew imorru lura lejn il-kapitali fejn kienu qed jinżammu minn dawk li organizzawlhom il-vjaġġ. 

F’dan il-kunflitt qed naraw dawn l-immigranti użat biex jinħoloq kaos u instabbilità. Hu ċar li l-Belarus qed torkestra din il-kriżi. Fost i-raġunijiet wieħed m’għandux għalfejn imur ħafna l-bogħod biex jiftakar li l-Belarus hu pajjiż li qed jiffaċċja sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fost oħrajn. Jidher ċar li l-kaos u l-instabbilità maħluqa fuq il-fruntiera mal-Polonja, tista’ faċilment titqies bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet li kienet imponiet l-Unjoni Ewropea.  Għalkemm mhux ċar wieħed irid ukoll jara x’inhu l-involviment u s-seherm  tar-Russja  f’dan il-kaos u instabbilità.

Jekk nieħdu s-sitwazzjoni fil-Mediterran naraw li fil-passat, kaos u instabbilità simili inħolqu ukoll. Jekk nieħdu l-kriżi tal-immigrazzjoni fis-sena 2015, naraw li kemm it-Turkija u kemm ir-Russja kienu aġixxew b’mod li wasslu biex ħolqu kaos u instabbilità b’immigrranti li mit-Turkija bdew imorru mal-fruntiera tal-Greċja. It-Turkija dakinhar bdiet tħalli eluf kba ta’ immigranti jgħaddu għal fruntiera mal-Greċja, waqt li fl-istess ħin ir-Russja bdiet twettaq attakki bl-ajru fuq is-Sirja b’mod partikolari qrib il-fruntieri u dan biexaktar persuni li kienu abbandunaw djarrhom, jaqsmu l-fruntiera u jmoru lejn il-punent. Finalment it-Turkija għamlet ftehim mal-Unjoni Ewropea.

Wieħed irid jgħid li mhix xi ħaġa ta’ llum jew xi ħaġa ġdida li stati jibdew jużaw immigranti biex joħolqu instabbilità, konfużjoni jew biex jirritaljaw kontra xi stat ieħor. Din wieħed jista’ jara li ġrat wara it-Tieni Gwerra Dinija u din kienet propju waħda mir-raġunijiet li wasslet għall-Konvenzjoni  tar-Refuġjati fis-sena 1951. L-għan kien li jipproteġu pesuni li jispiċċaw jinqabdu f’battalji bejn l-Istati. 

Lil hinn mill-kwistjonijiet politiċi… għandhom dritt li jirrakkontaw l-istejjer u japplikaw għall-ażil

Sfortunatament f’sitwazzjonijiet bħal dawn, spiss jipprevalu l-kwistjonijiet politiċi. L-attenzoni tintefa’ bejn il-battibekki bejn l-Istati u għaliex ikunu qed jittieħdu ċerti deċiżjonijiet.  Wieħed ma jridx jinsa li f’dawn il-kriżijiet hemm involuti nies u familji. Il-potezzjoni tagħhom għandha tirbaħ fuq kollox. Spiss jiġri li għal jiem u ġimgħat jitħallew injorati, waqt li jkunu għaddejjin il-kwistjonijiet politiċi bejn l-Istati. Rajniha sseħħ fil-Belarus. Immigranti  jorqdu barra taħt is-siġar f’temperaturi baxxi ħafna. Bla ikel. Nuqqas ta’ xorb, tant li kien hemm tfal li saħansitra marru jittalbu ilma mingħajd is-suidati Pollakki fuq in-naħa l-oħra ta’ ilqugħ kollu ‘barbed wire’. 

Hi sfortuna li donnu għal diversi jiem insejna li dawn in-nies għandhom storja x’jirrakkontaw. X’kienu qed jesperjenzaw f’pajjiżhom? Għaliex ħarbu? X’sabu fi triqtihom? Fuq kollox għandhom dritt stabbilit mil-liġi internazzjonali li japplikaw għal protezzjoni jew stat ta’ refuġjat. Dan hu dritt li ma jistax jiġi miċħud. Fil-fruntiera tal-Belarus hemm familji li ġew mill-Afganistan, oħrajn mill-Iraq li għadu mifni b’kunflitti interni u oħrajn mill-Kurdistan. 

Mhux biss bla soluzzjoni imma anke ingħataw ‘it-tikketta’… l-istess bħal immigranti fil-Mediterran

U dawn l-immigranti, l-istess bħal immigranti li jaqsmu l-Mediterran, minkejja dak kollu li għaddew minnu, jispiċċaw jiġu ttimbrati. Intqalu ħafna aġġettivi u xebbħuhom ma’ ħafna affarijiet.  Imma jekk tara kif qed jirreferu għalihom il-Pollakki u l-Belarus tara differenza enormi. 

Għal Pollakki dawn fuq il-fruntiea fil-Belarus huma ‘immigranti’. Mill-banda l-oħra l-Belarus tirreferi għalihom bħala ‘refuġjati fuq il-fruntiera li jridu jidħlu fl-Ewropa għall-protezzjoni”. 

U m’għandniex dubju li quddiem dan it-tip ta’ kliem, u quddiem dawn it-tikketti li qed jingħataw dawn il-persuni vulnerabbli u l-mod kif qed ikunu kategorizzati, jagħmel effett kbir fuq kif is-soċjetà f’dawn il-pajjiżi tħares lejn dawn il-persuni. 

Il-politika li tibni l-ħitan fil-Mediterran… għandha effett f’din il-kriżi?

Ma nistgħux ma nirrimarkawx fuq i-fatt li l-Unjoni Ewropea ilha għal dawn l-aħħar snin tinvesti miljuni kbar ta’ flus biex tibni l-ħitan fil-Mediteran u dan bil-għan li l-immigranti ma jaqsmux lejn l-Ewropa. Tneħħew operazzjonijiet ta’ salvataġġ, li wasslu biex l-imwiet minn għarqiet żdiedu sew.  Saret ħidma mal-Libjani biex jinġabru immigranti fil-Libja u anke f’żoni oħra qabel l-istess immigranti jaslu l-Libja. L-għan kien dejjem wieħed dak li r-rotta tal-Mediterran.

Li ma ratx l-Unjoni Ewropea hu li l-issikkar fuq ir-rotta ċentrali tal-Mediterran, ma kienx se jwassal biex iwaqqaf il-vjaġġi ta’ dawn il-persuni. Min irid jaħrab il-persekuzzjoni, it-tortura jew irid jibda ħajja ġdida għax f’pajjiżu hu mhedded, xejn mhu se jwaqqfu milli jagħmel il-vjaġġ.

Hawn tqum il-mistoqsija jekk il-politika ta’ ħitan fil-Mediterran, hix twassal biex min jorganizza l-vjaġġi qed jagħżel rotot oħra fuq l-art u b’hekk immigranti mil-lvant flok imorru lejn il-Libja kif kien hemm min għamel fil-passat bħal fil-każ ta’ immigranti Sirjani, dawn qed jittieħdu lejn it-Turkija u min hemm jibdew vjaġġi lejn il-Belarus.

Sport