Thursday, December 2, 2021

Il-Mercedes iressqu lment dwar il-manuvri ta’ Verstappen fil-GP tal-Brażil

Aqra wkoll

Proprju l-bieraħ, il-Mercedes ressqu  l-każ tagħhom għal reviżjoni tad-deċiżjoni li ma jippenalizzawx lil Max Verstappen fil-Grand Prix ta’ Sao Paulo li sar fiċ-ċirkwit ta’ Interlagos. 

Is-sewwieq tar-Red Bull ma ġiex ikkastigat talli ssikka  lil Lewis Hamilton bil-konsegwenza li ħareġ barra mill-korsa hekk kif iċ-champion seba’ darbiet ipprova jaqbżu fl-ewwel post.

Is-smigħ għandu jiġi stabbilit jekk il-kriterji għal reviżjoni tad-deċiżjoni ġewx sodisfatti.

Il-Mercedes trid turi li hemm “element ġdid sinifikanti u rilevanti” mhux disponibbli fiż-żmien tad-deċiżjoni.

Huwa maħsub li l-evidenza l-ġdida tinkludi filmati tal-kamera abbord tal-inċident miż-żewġ karozzi.

Dan ma ġiex rilaxxat qabel it-Tlieta, kważi 48 siegħa wara li seħħ l-inċident.

Għal-laqgħa ġew imsejħin ukoll rappreżentanti tat-team tar-Red Bull.

Jekk l-amministraturi jiddeċiedu li hemm evidenza ġdida sinifikanti, isir it-tieni smigħ biex tirrevedi jekk Verstappen kellux jiġi penalizzat.

F’dak il-każ, firxa ta’ penali potenzjali huma disponibbli.

Bħalissa Verstappen qed jillidja l-klassifika ġenerali b’14-il punt fuq Hamilton meta fadal tliet tiġrijiet, li jibdew fil-Qatar fi tmiem din il-ġimgħa.

Id-direttur tat-tiġrija, Michael Masi, iddiskuta l-inċident ma’ stewards waqt it-tiġrija tal-Ħadd iżda ddeċidew li ma kienx hemm bżonn ta’ investigazzjoni.

Wara t-tiġrija, Masi kien mistoqsi għa­liex ittieħdet din id-deċiżjoni minħabba li dehret li kienet inkonsistenti ma’ sitwazzjonijiet oħra simili aktar kmieni fl-istaġun.

Fost dawn kien hemm id-deċiżjoni li Lando Norris tal-McLaren jingħata penalitá  ta’ ħames sekondi talli tefa’ barra lil Sergio Perez tar-Red Bull mit-trakka hekk kif spiċċaw jiġġieldu fil-Grand Prix tal-Awstrija.

Masi qal: “Ma naqbilx li hija inkonsis­tenti. Intom tiġġudikaw kull inċident fuq il-merti tiegħu. Ma ninsewx li għandna l-prinċipji ġenerali ‘ħallihom jiġru’.

“Dik il-filosofija ġiet addottata. Il-prossimità tal-karozzi, fejn tinsab, in-natura tal-kantuniera, il-fatt li ż-żewġ karozzi ħarġu mit-trakka, l-ebda karozza ma tilfet il-pożizzjoni … kienet il-veduta ġenerali tagħha.”

Ippressat fuq il-fatt li ma kien hemm l-ebda argument li Hamilton kien ġie mġiegħel barra mill-korsa, Masi qal: “Jekk tibqa’ sejra ftit aktar ‘il quddiem, l-aċċettazzjoni li għandu jkun hemm tagħti jew tieħu meta jkunu ġenb ma’ ġenb.”

Ir-regoli tal-F1 jgħidu: “Manuvri li jistgħu jxekklu sewwieqa oħra, bħall-iffullar intenzjonat ta’ karozza lil hinn mit-tarf tal-korsa jew kwalunkwe bidla mhux normali oħra fid-direzzjoni, huma strettament ipprojbiti. Kull sewwieq li jidher ħati ta’ xi wieħed mir-reati ta’ hawn fuq se jiġu rappurtati lill-amministraturi.”

Sport