Thursday, April 18, 2024

L-ewwel trapjant ta’ qalb ta’ ħanżir fi bniedem

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Operazzjoni f’fażi ta’ esperimentazzjoni tagħti tama li ‘l quddiem ikollna provvista ta’ organi

Ta’ kuljum fl-Istati Uniti 17-il persuni jmutu waqt li jkunu qegħdin jistennew donazzjoni ta’ organu. Kull donatur jista’ jsalva l-ħajja ta’ tmien persuni u jgħin lil aktar minn 75 persuna biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Kulħadd jista’ jkun donatur, inkluż f’Malta, iżda d-domanda għal dawn it-trapjanti qiegħda dejjem tiżdied u l-lista ta’ stennija hija twila ħafna. Biex tkun indirizzata l-problema ta’ provvista ta’ organi għal trapjanti u jkun evitat abbuż relatat, id-dinja xjentifika għal dawn l-aħħar snin qiegħda tesperimenta b’riżorsi alternattivi fosthom organi ta’ annimali modifikati biex jissostitwixxu dawk umani.

Fil-fatt, f’Maryland fl-Istati Uniti ħarġet l-aħbar li sar trapjant revoluzzjonarju li fih intużat qalb ta’ ħanżir f’pazjent bħala l-aħħar tentattiv li jsalvawlu ħajtu. Dan it-trapjant huwa l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta u għalkemm għadu mhux magħruf jekk huwiex se jirnexxi fit-tul, l-użu ta’ organi mill-annimali issa qiegħed jagħti tama ta’ provvista sostanzjali u kostanti ta’ organi tant bżonnjużi għal eluf ta’ pazjenti madwar id-dinja.

Fl-2019 madwar id-dinja saru total ta’ 153,863 trapjanti ta’ organi bl-aktar wieħed komuni tal-kliewi segwit minn dawk tal-fwied, imbagħad tal-qalb, tal-pulmun, tal-frixa u tal-intestini. Fost l-isfidi u l-instabbiltajiet f’setturi differenti li kkawżat il-pandemija tal-Covid-19, intlaqgħat ukoll dak tat-trapjanti tal-organi. Studju riċenti fil-fatt sab li fl-ewwel sena tal-pandemija kien hemm tnaqqis ta’ 31% mit-total ta’ trapjanti li saru fis-sena preċedenti, persentaġġ stmat li huwa ekwivalenti għal madwar 48,000 sena mitlufa mill-ħajja tal-pazjenti. 

Użu ta’ organi ta’ annimali biex ikunu salvati ħajjiet umani

L-operazzjoni f’fażi ta’ espermentazzjoni li saret f’Maryland hija kkonsidrata ta’ suċċess għall-fatt li l-ġisem tal-pazjent, David Bennett ta’ 57 sena, ma aċċettax mill-ewwel l-organu. L-operazzoni saret fl-10 ta’ dan ix-xahar u kulħadd qiegħed isegwi l-iżviluppi ta’ dan it-trapjant. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex it-tobba jkunu jafu jekk l-intervent huwiex wieħed permanenti, din l-operazzjoni hija pass ‘il quddiem u importanti f’ħidma twila s-snin biex xi darba nibdew nużaw organi ta’ annimali biex insalvaw ħajjiet umani.

Tobba fl-Università taċ-Ċentru Mediku ta’ Maryland qalu li t-trapjant ta’ qalb minn annimal li kien soġġett għal bdil ġenetiku, jista’ jirnexxi fil-ġisem tal-bniedem mingħajr il-kumplikazzjonijiet tal-bidu. Il-pazjent, li huwa minn Maryland stess, kien jaf li m’għandu ebda garanzija li l-esperiment jirnexxi iżda kien qiegħed imut u minħabba li ma kienx eliġibbli li jingħata qalb umana, ma kellu ebda għażla oħra ħlief li jipprova qalb ta’ ħanżir.

Ġurnata qabel l-operazzjoni, fi stqarrija maħruġa mill-Univerità tal-Mediċina ta’ Maryland, Bennett qal li, “kelli għażla quddiem – jew immut jew nagħmel dan it-trapjant. Jien irrid ngħix u għalkemm ma nafx x’se jiġri, din hija l-aħħar tama għalija”.

Wara l-operazzjoni Bennett kien qiegħed jieħu n-nifs waħdu u kellu makkinarju apposta biex jgħin il-funzjoni tal-qalb il-ġdida. Il-ġimgħat li ġejjin se jkunu kruċjali għar-rikoveru ta’ dan il-pazjent u t-tobba jinsabu b’mitt għajn fuqu biex jaraw jekk il-qalb il-ġdida hiex se tibqa’ taħdem tajjeb.

“Jekk din tirnexxi, se jkollna provvista bla tmiem ta’ organi għal pazjenti li qegħdin ibatu,” iddikjara Dott. Muhammad Mohiuddin, li huwa d-direttur tal-qasam xjentifiku fil-programm ta’ trapjanti fl-Università ta’ Maryland.

Fl-imgħoddi kienu saru tentattivi ta’ trapjanti dan it-tip – imsejħa “Xenotransplantation” – iżda kollha fallew minħabba li fil-maġġoparti tal-każijiet, il-ġisem tal-pazjenti ma aċċettax l-organi tal-annimali. Fost il-ftit każi ta’ suċċess temporanju kien hemm wieħed fl-1984 fejn tarbija li kienet qiegħda tmut, bl-isem ta’ Fae, għexet 21 ġurnata b’qalb ta’ xadina tar-razza Baboon. 

Bdil fil-kodiċi ġenetiku tal-annimal…

Din id-darba d-differenza hija li x-xjenzati biddlu l-kodiċi ġenetiku tal-ħanżir billi neħħew iz-zokkor miċ-ċelloli li jwassal biex il-ġisem tal-bniedem ma jaċċettax l-organu. Għadd ta’ kumpaniji tal-bijoteknoloġija qegħdin jiżviluppaw organi ta’ ħnieżer għal użu futur fi trapjanti umani u dak li ntuża f’din l-operazzjoni ttieħed minn “Revivicor”, kumpanija sussidjarja tal-United Therapeutics.

Il-kap tal-UNOS, Dott. David Klassen, filwaqt li huwa wkoll huwa entużjast b’din l-operazzjoni, wissa li din hija l-ewwel tentattiv biex jaraw jekk din id-darba trapjant b’organu ta’ annimal huwiex se jirnexxi. L-Amministrazzjoni tal-Mediċini u tal-Ikel Amerikana, li tiddeċiedi fuq dawn it-tipi ta’ esperimenti, tat permess li din l-operazzjoni esperimentali ssir abbażi raġunijiet ta’ “kompassjoni”. Hija tat awtorizzazzjoni ta’ emerġenza li hija disponibbli biss għal pazjenti li jkun fil-periklu li jitilfu ħajjithom u ma jkollhomx għażla oħra disponibbli.

Riċerkaturi fiċ-ċentru ta’ Hastings li qegħdin jgħinu fir-rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp tal-etika għall-ewwel testijiet kliniċi f’dan il-kamp jemmnu li l-informazzjoni li toħroġ mill-andament ta’ dan l-ewwel trapjant se tkun kruċjali qabel mal-provvista tkun estiża għal pazjenti oħra.

Sadanittant, it-tabib li mexxa din l-operazzjoni revoluzzjonarja ta’ seba’ sigħat, Dott. Bartley Griffith, qal li din hija verament qabża kbira ‘l quddiem fil-kamp tat-trapjanti tal-organi. Fi stqarrija Griffith qal, “jiena li wkoll ninsab fil-lista ta’ stennija għal trapjant tal-qalb minħabba li għandi diżordni ġenetiku f’qalbi, ninsab eċitat ħafna b’din l-aħbar u t-tama li tagħti lill-familja tiegħi u pazjenti oħra li maż-żmien se jkunu salvati b’din l-innovazzjoni medika”.

Qabel ma offra l-intervent lill-pazjent tiegħu, Dott. Griffith f’perjodu ta’ ħames snin għamel trapjanti ta’ qlub ta’ ħnieżer f’madwar 50 xandini tar-razza Baboon. “Ta’ kuljum qegħdin nitgħallmu ħafna affarijiet fuq il-pazjent tagħna. S’issa ninsabu ferħanin bid-deċiżjoni li għamilna li npoġġulu qalb ta’ ħanżir. Il-pazjent huwa kuntent ukoll u llum għandu tbissima kbira fuq wiċċu,” qal b’sodisfazzjon Dott. Bartley Griffith.

Covid-19: Impatt devastanti b’telf sostanzjali ta’ ħajjiet

Globalment, it-trapjanti li saru fl-2020 imqabbla mal-2019 niżlu drastikament b’40% ta’ trapjanti inqas tal-kliewi minn donatur ħaj; kien hemm 33% tnaqqis fit-trapjanti tal-fwied, ukoll minn donatur ħaj; u 17% trapjanti tal-pulmun inqas. Din l-informazzjoni xejn inkoraġġanti ġiet ippubblikata mil-“Lancet Public Health” u ppreżentata fil-Kungress tas-Soċjetà Ewropea għat-Trapjanti tal-Organi mtella’ f’Milan.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-awtur prinċipali tal-istudju, il-Professur Olivier Aubert, qal li, “l-ewwel mewġa tal-Covid-19 kellha impatt devastanti fuq għadd ta’ trapjanti f’ħafna pajjiżi tant li affettwa l-listi ta’ stennija tal-pazjenti. B’dispjaċir ngħid li dan irriżulta f’telf sostanzjali ta’ ħajjiet”.

Għal dan l-istudju r-riċerkaturi nkludew tagħrif uffiċjali mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Global Observatory on Donation and Transplantation ta’ 22 pajjiżi differenti fejn qabblu l-ammont ta’ trapjanti li saru waqt il-pandemija (bejn l-1 ta’ Jannar sa Diċembru tas-sena 2000) ma’ dawk li tas-sena ta’ qabel.

Jekk għandek aktar minn 16-il sena u residenti f’Malta tista’ tirreġistra x-xewqa tiegħek li ssir donatur tal-organi onlajn billi tmur fuq www.organdonation.gov.mt. Kulma trid tagħmel huwa li tidħol fil-kont tal-E-ID tiegħek u timla formola onlajn.

Aqra iktar: L-aktar pajjiżi li għamlu trapjanti tal-organi

Ekonomija

Sport