Saturday, December 4, 2021

Imniedi l-ewwel Kumitat Konsultattiv ta’ Aġenzija Sapport

Aqra wkoll

Aġenzija Sapport, aġenzija nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li taħdem fil-qasam ta’ persuni b’diżabilità, nediet l-ewwel Kumitat Konsultattiv tagħha. Dan il-kumitat se jkun qed jipprovdi forum għal rappreżentazzjoni tal-benefiċjarji tas-servizzi tal-Aġenzija Sapport u tal-qraba jew kustodji legali tagħhom. Permezz ta’ dan il-kumitat, persuni b’diżabilità li jużaw servizz wieħed jew aktar ipprovduti mill-Aġenzija Sapport se jkunu qegħdin jingħataw l-opportunità jagħmlu suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet dwar is-servizzi offruti mill-Aġenzija.

It-tnedija ta’ dan il-kumitat, li ħidmietu tibda kmieni s-sena li ġejja, saret waqt Konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras u mid-Direttur inkarigata mill-Kumitat Konsultattiv Melanie Magri.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli rreferiet għat-tnedija ta’ dan il-kumitat bħala “inizjattiva ġdida li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita djalogu u jinkoraġġixxi l-qsim ta’ esperjenzi bejn persuni b’diżabilità u professjonisti fuq affarijiet li huma esklussivament relatati mas-servizzi ta’ Aġenzija Sapport. Inizjattiva li se tkun qed toffri wkoll spazju fejn il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar dak li jolqothom dirett mill-perspettiva tagħhom. Permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-membri ta’ dan il-Kumitat, Aġenzija Sapport ser tkun tista’ twassal programmi u pjani għal persuni li jużaw servizzi tagħha bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-istess persuni li jibbenefikaw minnhom.”

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-ħolqien ta’ dan il-kumitat “huwa parti minn eżerċizzju akbar fejn qegħdin nistiednu lill-imsieħba tagħna jipparteċipaw bil-għan li ntejbu s-servizzi u nilħqu bl-aħjar mod possibbli l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, iddeskriviet din l-inizjattiva bħala pass ieħor importanti lejn l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardjaw lilhom. “L-Aġenzija Sapport qed turi l-impenn tagħha li tkompli ssaħħaħ ħidmietha, tisma’ lil dawk li jagħmlu użu u li jintlaħqu b’mod dirett mis-servizzi tagħha mill-perspettiva tagħhom. Fuq kollox l-Aġenzija se tkun qed tilqa’ u tevalwa r-rakkomandazzjonijiet li jsirulha sabiex tkompli ssaħħaħ dejjem aktar l-operat tagħha bħala aġenzija nazzjonali,” qalet il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport.

Id-Direttur ta’ Aġenzija Sapport inkarigata minn dan il-Kumitat Konsultattiv, Melanie Magri qalet li dan il-kumitat għandu jgħin lill-persuni b’diżabilità u anke lil dawk li jesperjenzaw id-diżabilità magħhom biex jgħidu huma kif jistgħu jitjiebu s-servizzi.

Il-Kumitat Konsultattiv se jkun iffurmat minn seba’ membri u tliet rappreżentanti ta’ Aġenzija Sapport. It-terminu se jkun ta’ sena, bis-sejħa għall-applikazzjoni ssir kull sentejn fejn jingħażlu 14-il membru, sebgħa għal kull sena. Fuq il-Bord tal-Għażla ta’ dawn il-membri se jkun hemm ukoll rappreżentanza tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) kif ukoll mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA).

Aktar informazzjoni, inkluż it-termini u kundizzjonijiet ta’ kif wieħed għandu japplika jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt.

L-applikazzjonijiet fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sat-2 ta’ Jannar, 2022. Applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data ma jkunux aċċettati.

Sport