Thursday, December 2, 2021

Inawgurat il-proġett tal-Għeriexem b’investiment ta’ €4 miljun

Aqra wkoll

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett tal-Belvedere tal-Għeriexem fir-Rabat, Malta b’investiment infrastrutturali ta’ €4 miljun. Dan il-proġett jinkludi pedamenti ġodda, disinn aħjar għall-karreġġjati, belvedere b’passaġġ pedonali, għadd ta’ bankijiet iħarsu lejn il-ġmiel ta’ veduta tal-wied tal-Għeriexem u tisbiħ ta’ żoni fil-viċinanzi permezz ta’ tħawwil ta’ siġar ġodda.

Bħala parti minn dan il-proġett, ġiet installata wkoll l-ewwel bankina solari f’pajjiżna, kunċett relativament ġdid madwar id-dinja. Din it-teknoloġija mistennija tixgħel madwar 40% tad-dawl ta’ din it-triq b’enerġija rinovabbli. Il-passaġġ pedonali ta’ 40 metru kwadru li se jadotta din is-sistema ta’ bankini solari jinkludi bejn 30 u 40 pannelli fotovoltajċi li jistgħu jiġġeneraw aktar minn 4,600 kWh ta’ elettriku kull sena u li mistennija jiffrankaw mal-21 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju. 

Fost dawk preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi u s-Sindku tar-Rabat Sandro Craus.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Borg qal li permezz ta’ dan il-proġett taw liebsa infrastrutturali illi r-Rabat kien ilu mxennaq għaliha u din riedu jagħmluha b’mod differenti minn kif saru xogħlijiet simili tefa’ ta’ ġebla l-bogħod. 

Qal li meta wieħed jiġbor il-proġett f’kelma waħda dik tkun sostenibbiltà, li tfisser li qed tinvesti għal-lum imma qed tieħu ħsieb il-ħtiġijiet tal-futur.

Fakkar li waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett kien hemm sat-3,000 ruħ, li qal li żgur li ħadd minnhom ma jgħix ir-Rabat, kienu oġġezzjonaw biex dan il-proġett ma jsirx. Qal li raw kif dak li jagħmlu jkun b’mod sostenibbli ħalli anke dawk in-nies ġenwini li kienu kontra dan il-proġett ituhom il-benefiċċju tad-dubju u huma wkoll ikunu sodisfatti.

Filwaqt li osserva l-fatt li ċertu kritika tista’ tkun waħda kostruttiva, qal li żgur li dawn ix-xogħlijiet se jitgawdew minn bosta persuni hekk kif dan il-post huwa frekwentat ferm.

Spjega li permezz ta’ dan il-proġett inħolqu 90 parkeġġ ġdid li permezz t’hekk se tkun qed tittaffa ftit il-problema tal-parkeġġ. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopard qal li dan huwa mument ta’ sodisfazzjon doppju fejn bħala Rabti llum din il-lokalità għandha post ieħor ta’ mistrieħ mill-isbaħ mhux biss għar-residenti tal-madwar iżda għall-eluf ta’ persuni mir-Rabat u lokalitajiet oħra li jiġu f’dan il-post għal xi mixja jew ftit ħin ta’ mistrieħ.

Innota li kien hemm familji bil-biża’ li d-djar tagħhom se jiġġarfu fejn issa dawn qed jorqdu b’moħħhom mistrieħ. Qal li bit-triq sigura quddiemhom issa jħares ‘il quddiem li huma wkoll jinvestu fil-proprjetà tagħhom biex ikomplu fir-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona.

Innota kif din it-triq importanti ferm għall-ivvjaġġar fir-Rabat u fil-madwar u li ħafna xogħol kellu jsir mingħajr ma tingħalaq. Apparti mill-fatt li t-tħaffir tal-proġett kien skoperta arkeoloġika waħda wara l-oħra fejn kull darba riedu joħolqu strutturi aktar kumplessi bla ma jordmu dawn is-sejbiet.

Sport