Friday, December 3, 2021

Inawgurat l-ewwel impjant ta’ Reverse Osmosis f’Għawdex

Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Investiment ta’ madwar €11-il miljun li jnaqqas id-dipendenza t’Għawdex

Waqt l-inawgurazzjoni tal-ewwel impjant tar-Reverse Osmosis f’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-gvern jara f’Għawdex potenzjal enormi li jinbidel f’post minn fejn jibdew it-trasformazzjonijiet ambjentali u diġitali ta’ pajjiżna. Abela qal li dan l-impjant huwa fost l-aktar effiċjenti fid-dinja u se jkun hemm il-kapaċità li f’każ ta’ ħtieġa, Għawdex jissuplixxi lil Malta. Tkellem dwar it-tieni fibre optic cable bħala investiment kruċjali li kellu jsir kemm jista’ jkun malajr. Żied jgħid li l-istess jista’ jingħad fejn jidħol it-trasport b’investiment fis-servizz tal-fast ferry li żied l-effiċjenza bejn iż-żewġ gżejjer. Barra minn dan, Abela fakkar li minn Jannar tal-2020 ntefqet spiża kapitali fuq Għawdex li hija aktar minn dik li ntefqet fl-ewwel ħames snin ta’ gvern Laburista. “Ara taħsbu li se nieqfu hawn, fil-budget għas-sena d-dieħla tajna l-akbar żieda fl-allokazzjoni lil Għawdex li qatt ngħatat fl-istorja u tellajna l-allokazzjoni kapitali għal €27 miljun”, kompla l-Prim Ministru.

Abela qal li lil Għawdex jixtiequ li jkun indipendenti fil-provvista tal-elettriku bl-użu komplet tal-enerġija rinnovabbli. Huwa qal li hemm miri ambizzjużi, iżda li dan il-gvern se jibqa’ konsistenti biex jara lill-Għawdxin jilħqu l-aspettattivi tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan l-impjant se jagħti ħafna lil Għawdex. Tkellem dwar l-impjant li huwa kofinanzjat b’investiment ta’ madwar €11-il miljun. Huwa fakkar li dan l-impjant se jagħti indipendenza lil Għawdex u dan hekk kif f’Għawdex ġej żmien li tingħata l-akbar allokazzjoni ta’ fondi ewropej li qatt kellu minn meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli qalet li mal-ħaddiema tas-servizzi tal-ilma għexet żminijiet ta’ qtigħ il-qalb, iżda anke żminijiet bħal dawn li wasslu għall-ġurnata tal-lum biex jitnieda dan il-proġett li se jagħti l-awtonomija lil Għawdex. Dalli spjegat li dan l-investiment qiegħed jitħabbar kważi 40 sena wara dak f’Għar Lapsi u li r-riżultat tiegħu mill-ewwel se jkun qiegħed joffri servizz imtejjeb u aktar effiċjenti permezz ta’ apparat state of the art li joffri ilma aktar nadif b’livell ta’ minerali li n-nies tkun tista’ tixrob dirett mill-vit. Il-Ministru qalet li dan ir-Reverse Osmosis se jkollu spiża tal-produzzjoni irħas minn impjanti eżistenti f’Malta. Dan l-impjant se jkollu l-kapaċità li jipproduċi mad-9,000 metru kubu ta’ ilma frisk biex jaqdi il-ħtiġijiet tar-residenti u jkun kapaċi jilqa’ għal domanda akbar. Il-Ministru spjegat li dan l-investiment huwa wieħed sostenibbli għax hemm il-ħsieb warajh li jnaqqas l-impatt ambjentali kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.

Sport