Thursday, December 2, 2021

It-tnedija tat-tielet fażi tal-proġett BLUEfasma

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo pparteċipa f’konferenza organizzata mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, hekk kif illum ġiet imnedija l-fażi ta’ kapitalizzazzjoni, l-aħħar parti tal-proġett BLUEfasma. Fl-istess waqt, ġie mfakkar ukoll il-Jum Dinji tas-Sajd, li se jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd fil-21 ta’ Novembru.

Il-proġett BLUEfasma huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-Programm Interreg MED 2014-2020.

Matul dan il-proġett, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura organizza tliet avvenimenti, wieħed bħala introduzzjoni tal-proġett lill-imsieħba soċjali li sar f’Ottubru tal-2020, u t-tieni wieħed li sar f’Mejju li għadda, dak li jissejjaħ il-BLUEfasma Living Labs. Dawn l-avvenimenti saru fuq jumejn flimkien mal-imsieħba soċjali kollha involuti fl-ekonomija ċirkolari blu fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura.

Il-Ministru Anton Refalo spjega kif, “L-għan tal-proġett BLUEfasma huwa li jsaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji, tas-sajjieda, ta’ gruppi marittimi u networks fil-gżejjer Mediterranji u ż-żoni kostali, biex jappoġġjaw it-tkabbir tal-ekonomija ċirkolari blu fis-sajd u l-akkwakultura. BLUEfasma jintegra u jimplimenta prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fis-settur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku blu tas-sajd u l-akkwakultura, biex tibbenefika ż-żona insulari u kostali tal-MED b’mod ġdid u innovattiv.”

Il-Ministru Refalo temm billi rringrazzja, “lid-diretturi u lill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura tax-xogħol tajjeb kollu li għamlu f’dan il-proġett u diversi proġetti oħra li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw il-wirt kostali tagħna u jimminimizzaw skart relatat mas-sajd.”

Sport