Sunday, December 5, 2021

Jivvendika ruħu minnu għax waqaflu… Monsinjur jistupra seba’ subien fuq perjodu ta’ 50 sena

L-iskandlu tal-abbużi sesswali minn qassisin f'Nebraska...

Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ir-rapport investigattiv li ħareġ dwar abbużi sesswali minn uffiċjali tal-Knisja Kattolika fid-djoċesi ta’ Nebraska fih l-esperjenzi xokkanti u tal-biża’ li għaddew minnhom il-vittmi. Total ta’ 57 uffiċjal tal-Knisja Kattolika li jinkludu qassisin, djakni u għalliema ta’ knejjes Kattoliċi huma mniżżla bħala predaturi. Fosthom hemm il-Monsinjur Clarence Crowley li stupra seba’ subien fuq perjodu ta’ 50 sena. 

Crowley daħal fl-ordni fl-1937 u serva f’diversi parroċċi u skejjel tal-Knisja ta’ din id-djoċesi fl-Istati Uniti. L-ewwel vittma rrapporta li kien abbużat sesswalment għal diversi drabi minnu meta kien qassis f’Hastings, Nebraska. L-abbuż seħħ bejn is-snin 1938 u 1941 meta t-tifel kellu bejn 11 u 14-il sena.

“Bdejt nieqaflu u minħabba f’hekk batejt snin ta’ abbuż psikoloġiku” – vittma ta’ abbuż sesswali minn qassis fid-djoċesi ta’ Nebraska

Il-vittma ddeskriva kif Crowley kien imissu b’mod indiċenti, jgħarxu u jilgħab logħob tal-idejn miegħu bl-iskop li l-qassis jieħu gratifikazzjoni sesswali minnu. It-tifel qal li episodju ta’ abbuż minnhom seħħ f’kamra ta’ lukanda waqt mawra f’Lincoln. “Missli l-parti tiegħi u ġiegħlni nimmasturba. Bdejt nieqaflu meta tlajt fit-tmien sena skolastika tiegħi u minħabba f’hekk batejt snin ta’ abbuż psikoloġiku minn Crowley,” – irrakkonta l-ewwel vittma.

Huwa qal ukoll li dan il-monsinjur kien jheddu u jintimidah sa anke kien wissieh li jekk jiftaħ ħalqu ma’ xi ħadd dwar l-abbuż, għandu mnejn jitlef l-opportunità li jieħu sehem fl-attività sportiva tal-basketball. 

It-tifel kien kiteb ittra lill-Isqof Bruskewitz fl-2001 jew l-2002 imma din l-ittra ntbagħtet lura u d-djoċesi qatt ma rrrispondietu. Fl-2018 il-vittma reġa’ ssottometta l-ittra lill-Isqof Conley li min-naħa tiegħu bagħat ittra formali ta’ apoloġija lill-familja.

Il-vittmi l-oħra…

It-tieni vittma – Dan ukoll qal li Crowley abbużah f’lukanda waqt mawra. Din id-darba l-każ seħħ f’Omaha meta l-vittma kellu bejn 12 u 14-il sena. Jingħad li minkejja t-tifel kien talbu jieqaf mill-avvanzi sesswali fuqu, Crowley baqa’ jinsisti u uża apparat tal-messaġġi fuq in-naħa ta’ fuq ta’ koxtu. Waqt dan l-avvanz Crowley wasal biex miss il-parti ġenitali tal-vittma tiegħu. 

It-tielet vittma – Dan kien jaħdem bħala student assistent ta’ Crowley lejn l-aħħar tas-snin 70. Il-vittma saħaq li kien abbużat sesswalment għal diversi drabi waqt mawriet meta huwa kellu biss 12-13-il sena. It-tifel ma qalx x’tip ta’ molestazzjoni sofra minn taħt idejn dan il-Monsinjur u rrapportah b’mod formali lid-djoċesi fl-2014 wara li kien diġà avżahom bl-abbuż lura fl-2011.

Ir-raba’ vittma – L-abbuż ġie rrapportat minn oħt il-vittma fejn qalet li meta ħuha kellu 13-il sena sofra abbuż mifrux fuq xahrejn mill-istess Crowley. Il-vittma qatt ma kkuntatja lid-djoċesi personalment u qatt ma qasam din l-esperjenza kerha li għadda minnha sakemm fl-2000 irnexxielu jiftaħ qalbu dwarha. Ir-rapport jgħid li la l-vittma u lanqas oħtu ma taw dettalji ta’ x’tip ta’ abbuż sesswali kien soġġett għalih dan it-tifel.

Il-ħames vittma – Kmieni fis-snin 80 Crowley raqad għarwien fl-istess sodda mal-ħames vittma tiegħu u dan għal bejn 40 u 50 darba f’perjodu ta’ sena. Il-vittma, li kien jaħdem fis-sagristija għal Crowley, qal li kien missu b’mod indiċenti għal mill-inqas darba u li kien iħajru għall-attivitajiet illeċiti b’ikliet f’ristoranti barra l-belt.

Is-sitt vittma – Student ta’ 12-il sena safa vittma ta’ dan il-qassis wara li ntbagħat fl-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola. Din imbagħad bagħtitu għand Crowley. Hawnhekk it-tifel ġie mġiegħel ipoġġi f’ħoġor dan il-predatur sesswali u sofra “bejn 15 u 20 minuta ta’ abbuż totali u manipulazzjoni”. Il-vittma qal li Crowley beda jistaqsih ħafna mistoqsijiet dwar is-sess b’mod partikolari dwar il-masturbazzjoni. It-tifel jemmen li Crowley ħa gratifikazzjoni sesswali minn din il-konversazzjoni u jiftakar li kien fi stat ta’ biżgħa kbira tant li ried “jaħrab mill-kamra”.

Is-seba’ vittma – Id-djoċesi rċeviet telefonata mill-vittma f’Ottubru tal-2021 fejn allega li kien abbużat mill-qassis fil-bidu tas-snin 80. Huwa kellu biss 11-il sena meta mar għand Crowley biex iqerr. Wara l-qassis qal lit-tifel biex imur f’kamra oħra miegħu fejn talbu jinża l-ħwejjeġ u kien hawn li misslu l-parti tiegħu. Il-vittma jiftakar li l-abbuż kien “għal ħin twil ħafna… aktar minn 10 minuti”. Meta l-qassis lesta ta’ permess lit-tifel biex jerġa’ jilbes ħwejġu u jitlaq. Is-seba’ vittma kien jaf li dak li għamel Crowley kien ħażin iżda kien ħassu wisq mistħi minnu nnifsu biex jasal li jgħid lil xi ħadd dwar dak li ġralu. 

Il-Monsinjur Clarence Crowley miet fl-1986 u huwa mniżżel fil-lista tad-Djoċesi ta’ Lincoln bħala wieħed mill-uffiċjali tal-Knisja li fil-konfront tiegħu saru għadd ta’ rapporti b’allegazzjonijiet sostanzjati ta’ abbuż sesswali fuq tfal.

Sport