Thursday, April 18, 2024

Kumpanija lokali t’investi €2 miljun bl-għajnuna tal-Malta Enterprise

Aqra wkoll

Kumpanija lokali qed tinvesti maż-€2 miljun f’espansjoni ta’ madwar 1,120 m² fil-binja tagħha fl-Imrieħel, waqt li tat bidu għal servizz ta’ laundry 24/7 li jopera b’mod digitali.

L-investiment li qed tagħmel Portughes Dry Cleaning Ltd se jgħin lill-kumpanija timraħ fi swieq internazzjonali.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara fil-kumpanija, mmexxija miċ-Chairperson Eżekuttiv Ian Attard Portughes u l-Kap Eżekuttiv Mario Duca.

Il-kumpanija bdiet topera lura fl-1915, bi storja twila ta’ suċċess fejn dejjem għarfet taħtaf l-opportunitajiet ġodda biex għaddiet minn espansjoni għal-oħra. B’dan l-investiment il-kumpanija mhux biss qed tkompli tassigura l-impjieg għall-ħaddiema tagħha, iżda qed tkompli ssaħħaħ postha fl-ekonomija Maltija.

L-investiment qed jissarraf f’espansjoni tal-faċilitajiet eżistenti fl-Imrieħel biex tissodisfa d-domanda li qed tesperjenza. L-investiment kien possibbli għall-iskemi varji li toffri l-Malta Enterprise.

“Il-kumpanija Portughes hija eżempju ieħor ta’ reżiljenza u l-bżulija tal-Maltin, fejn fi żmien ta’ pandemija raw li jinvestu kemm fl-infrastruttura u anke fl-impjegati. L-investiment wassal biex il-kumpanija ddiversifikat u ħolqot proġett ġdid u uniku f’Malta u qed isservi bħala test base, biex b’hekk tkun tista’ tesporta lejn is-swieq internazzjonali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-kunċett ġdid ta’ Laundry Concepts Ltd huwa l-ewwel servizz tax-xorti tiegħu f’Malta. Klijent jista’ jiddepożita l-ħwejjeġ tiegħu għas-servizz ta’ dry cleaning, b’ mod awtomatiku u bl-istess mod jerġa jiġbor dak li jkun iddepożita grazzi għal mobile app. Din id-diversifikazzjoni wasslet biex din il-kumpanija tuża lil Malta bħala testbase biex tesporta dan il-kunċett. Biex toffri dan is-servizz, Portughes Laundry and Dry Cleaning għaqqdet flimkien il-kunċett teknoloġiku mal-makkinarju f’ soluzzjoni li ħolqu huma stess.

F’kummenti, Ian Attard Portughes qal: “Il-pandemija ġabet diversi sfidi magħha, iżda bl-għajnuna li ngħatajna mingħand il-Malta Enterprise bqajna għaddejjin bl-operat tagħna biex b’hekk anke stajna nagħmlu dan l-investiment ta’ espansjoni u kif ukoll diversifikazzjoni ta’ niċċa ġdida li finalment irridu nibdew nesportaw.”

Ekonomija

Sport