Sunday, December 5, 2021

L-agħar livelli ta’ deforestazzjoni fl-Amazon f’dawn l-aħħar 15-il sena

Aqra wkoll

Rapport mill-aġenzija spazjali tal-Brazil (Inpe) jgħid li d-deforestazzjoni ġewwa l-foresta Amazon tinsab fl-agħar livelli ta’ dawn l-aħħar 15-il sena. Ir-rapport jgħid li matul din is-sena biss id-deforestazzjoni f’din il-foresta żdiedet bi 22%.

Il-Brażil kien fost il-pajjiżi preżenti għas-summit tal-COP26 dwar it-tibdil fil-klima fejn fih għadd ta’ nazzjonijiet, fosthom anke l-Brażil, wiegħdu li se jwaqqfu u jreġġgħu lura d-deforestazzjoni sas-sena 2030. L-Amazon hija d-dar ta’ xejn inqas minn tliet miljun speċi differenti ta’ pjanti u annimali kif ukoll madwar miljun persuna indiġena. Apparti hekk, din il-foresta tilgħab rwol kruċjali fil-kontroll tal-livelli ta’ karbonju u tnaqqas it-tisħin globali. 

Skont l-aħħar informazzjoni ppubblikata, madwar 13,235 kilometru kwadru ntilfu fil-perjodu bejn l-2020-21, li huwa l-ikbar ammont mill-2006 ’l hawn. Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru tal-Ambjent tal-Brażil Joaquim Leite qal li din l-informazzjoni tippreżenta “sfida” u qal li “aħna qed ikunu iktar b’saħħitna kontra dawn l-atti kriminali.” Huwa żied jgħid li din id-dejta “mhix rrappreżentazzjoni eżatta tas-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar xhur.”

Sfortunatament id-defo­restazzjoni ġewwa l-Amazon żdiedet sostanzjalment taħt l-amministrazzjoni tal-President Jair Bolsonaro li inkoraġġixxa l-agrikolutra u l-attivitajiet tal-minjieri f’din il-foresta.

Sport