Sunday, December 5, 2021

L-Awstrija f’lockdown nazzjonali minn nhar it-Tnejn

Aqra wkoll

Wara li l-Awstrija kienet imponiet lockdown fuq dawk il-persuni mhux imlaqqma kontra l-virus tal-Covid-19, issa dan il-pajjiż kien sfurzat li jiddikjara lockdown nazzjonali li se jkun qiegħed jibda minn nhar it-Tnejn li ġej. 

Il-Kanċillier Alexander Schallenberg qal li dan il-lockdown se jibqa’ fis-seħħ għal massimu ta’ 20 jum u se jkun obbligatorju bil-liġi li wieħed jitlaqqam mill-1 ta’ Frar li ġej. Schallenberg kien qiegħed jirrispondi għall-mistoqsijiet li sarulu dwar in-numri rekord ta’ każijiet ġodda li qiegħed ikun hemm fil-pajjiż kif ukoll dwar il-livelli baxxi ħafna ta’ tilqim, li huma l-inqas fil-Punent tal-Ewropa. Numru ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej qed ikunu kostretti jimponu restrizzjonijiet hekk kif in-numru ta’ każijiet ġodda qed jiżdiedu. 

L-aħħar ċifri ppubblikati l-ġimgħa li għaddiet qed juru li r-rata ta’ infezzjonijiet ġewwa l-Awstrija hija ta’ 990.7 każ minn kull 100,000 persuna, u min-naħa tiegħu l-Ministru tas-Saħħa Wolfgang Mückstein qal li l-implimentazzjoni ta’ lockdown kienet “l-aħħar għażla”. Bil-miżuri l-ġodda, il-poplu tal-Awstrija se jkun mitlub biex jaħdem mid-djar, il-ħwienet mhux essenzjali jingħalqu, filwaqt li l-iskejjel se jibqgħu miftuħa biss għal tfal li jkollhom bżonn tagħlim wiċċ imb wiċċ. Dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ sat-12 ta’ Diċembru li ġej, u jerġgħu jiġu evalwati għaxart ijiem wara. 

Intant il-Prim Ministru tas-Slovakkja Eduard Heger ħabbar li min-nhar it-Tnejn se jidħol fis-seħħ lockdown għal dawk mhux imlaqqma filwaqt li l-gvern tar-Repubblika Ċeka qal li numru ta’ servizzi f’dan il-pajjiż se jkunu qed jiġu llimitati. L-Olanda kienet imponiet lockdown parzjali matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet filwaqt li ġewwa l-Ġermanja ġew imponuti restrizzjonijiet għal persuni mhix imlaqqma f’żoni fejn hemm rati għolja ta’ infezzjonijiet u b’hekk dawn se jkunu qed jaffettwaw 12 minn 16-il stat. 

L-Awstrija huwa l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li impona lockdown nazzjonali matul din ix-xitwa. 

Sport