Thursday, December 2, 2021

L-Ewropa reġgħet epiċentru tal-Covid-19

L-Awstrija u l-Ġermanja b’miżuri ta’ restrizzjonijiet u lockdown għaċ-ċittadini mhux imlaqqma

Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għadd ta’ mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej huma taħt pressjoni qawwija tant li fosthom hemm min beda jieħu miżuri aktar iebsa lejn iċ-ċittadini li ma ħadux it-tilqima kontra l-Covid-19. F’dawn l-aħħar ġimgħat l-Ewropa reġgħet bdiet tara żieda qawwija fin-numri ta’ infezzjonjiet ġodda tal-virus tant li l-kontinent tagħna għal darb’oħra huwa l-epiċentru tal-pandemija tal-Covid-19. Fost l-aktar pajjiżi milquta bħalissa hemm l-Awstrija li poġġiet żewġ miljuni ta’ ċittadini mhux imlaqqma f’lockdown u l-Ġermanja li min-naħa tagħha bdiet tillimita l-movimenti ta’ dawn in-nies. 

Il-persuni li għażlu li ma jieħdux it-tilqima tal-Covid-19 qegħdin aktar ma jgħaddi ż-żmien isibu ruħhom iżolati mill-bqija tas-soċjetà u dan minħabba li l-mexxejja tagħhom qegħdin jimponu restrizzjonijiet li bihom ma jistgħux jiċċaqilu u jagħmlu li jridu. 

Fl-Awstrija, dawk kollha li huma minn 12-il sena ‘l fuq u m’humiex imlaqqma l-ordni hija li jibqgħu fi djarhom għajr għal raġunijiet essenzjali. Dawk milquta qegħdin jisħqu li din hija diskriminazzjoni lejhom u li mhux sew li m’għandhomx il-libertà li jagħżlu x’jagħmlu b’persunthom. Għalkemm mhux kulħadd ħa pjaċir b’dawn ir-restrizzjonijiet, is-sidien tar-ristoranti li tkellmu mas-CNN qalu li b’dan il-mod il-gvern lokali ffaċilitalhom ix-xogħol tagħhom għax mit-Tnejn li għadda jistgħu jserrħu rashom li kull min jidħol għandhom huwa mlaqqam.

Aktar minn terz tal-popolazzjoni Awstrijaka f’lockdown

Fl-Awstrija 64.8% tal-popolazzjoni hija mlaqqma b’żewġ dożi. Din ir-rata hija waħda mill-aktar baxxi fl-Ewropa tal-Punent. Mit-Tnejn li għadda miljuni ta’ Awstrijaċi li ma ħadux it-tilqima kontra l-Covid-19 ma setgħux joħorġu minn djarhom ħlief għal raġunijiet speċifiċi bħal xogħol u saħħa. L-unika konċessjoni li ngħatat hija fil-każ ta’ persuni li għadhom kemm fiequ mill-virus.

Uffiċjali ta’ dan il-pajjiż qalu li dan il-lockdown mistenni li jdum għaxart ijiem iżda ma eskludewx estensjoni jekk il-każijiet ġodda tal-Covid-19 ma jonqsux. Tħabbar ukoll li dawk li ma jobdux din il-miżura se jeħlu multi iebsin ħafna.

“Dawk li ma ħadux it-tilqima issa se jkollhom jesperjenzaw eżattament dak li kollha kemm aħna kellna nsofru fl-2020”  – il-Kanċillier Ġermaniż, Alexander Schallenberg

Pajjiż ieħor li qiegħed ikollu jillimita l-movimenti taċ-ċittadini mhux imlaqqma huwa l-Ġermanja fejn mill-bidu ta’ dan il-ġimgħa f’Berlin dawk kollha li ma ħadux it-tilqima ma jistgħux jidħlu f’ristoranti, swali taċ-ċinema u ħwienet tax-xorb. Miżuri oħra proposti huma l-ħtieġa jkun ippreżentat iċ-ċertifikat tat-tilqima jew riżultat ta’ test negattiv qabel jintuża t-trasport pubbliku. 

Il-Ġermanja b’ammont rekord

L-infezzjonijiet fl-Ewropa qegħdin jiżdiedu b’mod allarmanti. Il-Ġermanja din il-ġimgħa ħadet daqqa ta’ ħarta wara li l-Ħamis li għadda rreġistrat ammont rekord ta’ persuni morda bil-virus (50,196). Din hija l-ogħla rata minn mindu bdiet il-pandemija u aktar mid-doppju tal-ammont li kien ikollhom fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż m’hija xejn sabiħa hekk kif is-sistema tas-saħħa u l-isptarijiet reġgħu taħt pressjoni kbira. Il-medja ta’ każijiet ġodda kuljum hija waħda ta’ tħassib – 40,000 persuna.

Huwa rrapportat però li l-mewġa preżenti ta’ infezzjonijiet ġodda fil-Ġermanja qiegħda tolqot l-aktar lin-naħat tan-Nofsinhar u l-Lvant tan-nazzjon fejn fil-fatt ir-rata tal-persuni mlaqqma hija aktar baxxa minn inħawi oħra.

Rigward ir-restrizzjonijiet imposti, is-CNN irrapporta li, “issa dawn il-privileġġi huma biss għal dawk li ħadu t-tilqima u dawk li riċentement fiequ mill-Covid-19”. Il-mexxej tal-Partit Aħdar, Robert Habeck, f’intervista mal-istazzjon nazzjonali “ARD” spjega li, “fi ftit kliem, il-lockdown huwa għal dawk li m’humiex imlaqqma”.

Il-miżuri imposti qegħdin ikunu infurzati mill-uffiċjali tal-pulizija li ta’ spiss qegħdin ikunu fit-toroq u jħabbtu l-bibien tad-djar biex jagħmlu kontrolli bla avviż. Il-Kanċillier Alexander Schallenberg sostna li r-rata tat-tilqim fil-Ġermanja “hija tal-mistħija għax baxxa wisq u dawk li ma ħadux it-tilqima issa se jkollhom jesperjenzaw eżattament dak li kollha kemm aħna kellna nsofru fl-2020”. 

L-Awstrija għandha rata ta’ persuni mlaqqma aktar baxxa minn dik tal-Ġermanja mentri min-naħa l-oħra, Spanja u l-Portugal huma aktar ippreparati għal din ix-xitwa wara li rnexxielhom jilħqu l-ogħla rati ta’ tilqim fl-Ewropa.

Twissija għal żmien it-temp kiesaħ

Is-sitwazzjoni xejn feliċi proprju issa li kulħadd qiegħed jibda jħoss l-eċċitament għall-festi li ġejjin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, hija ta’ tħassib għall-awtoritajiet kif ukoll għall-esperti fis-settur mediku. Il-virologu Lawrence S. Young sostna li l-aktar ħaġa importanti li għandna nagħmlu hija li nikkontrollaw l-imġieba tagħna. Dan billi nkunu ddixxiplinati, nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u nimxu mal-miżuri skont il-pajjiż. B’dan il-mod, sostna Young, il-virus ma jinxteridx daqstant malajr. 

“Għal darb’oħra ninsisti fuq l-użu tal-maskra għax dan huwa essenzjali b’mod speċjali f’postijiet magħluqa. Nittama li tikkonsidraw ukoll li żżommu d-distanza soċjali u li tmorru biss f’postijiet b’sistema ta’ ventilazzjoni tajba. F’din il-parti tad-dinja issa qegħdin nesperjenzaw temperaturi aktar baxxi u dan iħajjar lin-nies ifittxu l-kenn f’postijiet ġewwa. Dan huwa eżattament xi jħobb il-virus għax huwa ambjent ideali biex jinxtered malajr u faċilment minn persuna għall-oħra,” temm bi twissija l-espert Ingliż.

Miżuri minn pajjiżi differenti

Il-ħidma biex il-programmi nazzjonali ta’ tilqim fil-kontinent Ewropew żdiedet b’miżuri li jħajru aktar nies jagħmlu dan il-pass. Dan minħabba li rapporti fil-midja qalu li hemm tħassib serju għal ta’ mill-inqas 10 pajjiżi Ewropej minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19. Fost il-pajjiżi li qegħdin jieħdu passi hemm:

Ir-Renju Unit – Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, ikkonferma li l-booster tat-tilqima kontra l-Covid-19 dalwaqt se jkun hemm bżonn li jiġi kkonsidrat bħala parti minn dak li bħalissa nikkonsidraw bħala “tilqima kompluta”.

“Huwa evidenti li tliet tilqimiet – inkluż il-booster – se jkun fattur importanti li se jagħmlulek ħajtek aktar faċli f’diversi aspetti u aħna rridu naġġornaw il-kunċett tagħna ta’ x’jikkostitwixxi tilqima kompluta billi nikkonsidraw dan il-fatt,” sostna Johnson.

Franza – Dan il-pajjiż ukoll qiegħed jesperjenza żieda fl-infezzjonijiet tant li introduċa regoli aktar stretti tad-dħul ta’ barranin. Din il-ġimgħa Franza illimitat in-numru ta’ turisti mhux imlaqqma minn 16-il pajjiżi Ewropej. 

Greċja – It-tensjonijiet qegħdin jiżdiedu f’partijiet oħra tal-blokk. F’Ateni, il-ħaddiema tas-settur tas-saħħa fi protesta talbu żieda fis-salarji u titjieb fil-kundizzjonijiet tal-post tax-xogħol tagħhom wara li l-isptarijiet lokali reġgħu qegħdin jimtlew bil-pazjenti morda bil-Coronavirus.

F’dan ir-rigward, il-President tal-Isptar tal-Federazzjoni tal-Ħaddiema, Michalis Giannakos, qal lil Reuters li s-sodod fl-isptarijiet qegħdin jimtlew malajr u l-pazjenti li jkollhom bżonn jiddaħħlu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva qegħdin jintgħażlu skont il-prijorità u l-età tagħhom. 

Ċekoslovakkja – Dan il-pajjiż ukoll introduċa miżuri ġodda bil-għan li jnaqqas l-imxija.

Norveġja – Hawn huwa ppjanat li t-tielet doża tat-tilqima, jiġifieri l-booster, tingħata lill-adulti kollha. Il-mexxejja ta’ dan il-pajjiż qegħdin jinsistu wkoll li jinħareġ pass diġitali tal-Covid-19 għal kulħadd.

Olanda – Il-Gvern Olandiż qiegħed jipprepara għal tliet ġimgħat lockdown parzjali minħabba żieda fl-infezzjonijiet. Dan minkejja li rnexxielu jikseb rata għolja ta’ ċittadini mlaqqma. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru, Mark Rutte, qal li se jkollhom jiġu infurzati bil-liġi l-miżuri li “wisq probabbli se jkollna bżonn nimplimentawhom ħalli nikkontrollaw il-virus għaż-żmien li ġej”.

Sport