Thursday, December 2, 2021

Lewis Hamilton irid iqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Qatar

Aqra wkoll

Lewis Hamilton sostna li l-Formula Wieħed hija “fid-dmir” li tqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Qatar hekk kif nhar il-Ħadd li ġej dan il-pajjiż se jospitaw l-Grand Prix.

Il-kap tal-F1 Stefano Domenicali qal li din il-ġimgħa li l-isport jista’ jgħin biex jippromwovi l-bidla permezz tat-tiġrijiet f’pajjiżi bħall-Qatar u l-Arabja Sawdija.

Hamilton qal: “Minħabba l-fatt li bosta sports qed imorru f’dawn il-pajjiżi, huma fid-dmir li jqajmu kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet.

“Dawn il-pajjiżi jeħtieġu skrutinju. Drittijiet ugwali hija kwistjoni serja.”

Il-Qatar iffirma kuntratt biex jospitaw Grand Prix kull sena għall-10 snin li ġejjin. 

Min-naħa tagħha, l-Arabja Sawdija tagħmel id-debutt tagħha fil-kalendarju fi żmien ġimagħtejn.

Hamilton żied jgħid: “Jien konxju li f’dan il-pajjiż qed jippruvaw jagħmlu passi u ma jistax jinbidel mil-lum għal għada.”

Amnesty International iddeskriviet is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ pajjiżi bħala “inkwetanti ħafna”.

Il-Qatar ġie kkritikat għar-restrizzjoni tiegħu fuq il-libertà tal-kelma u t-trattament tal-ħaddiema migranti, speċjalment madwar il-bini tal-grounds għat-Tazza tad-Dinja 2022.

Is-sistema f’dan il-pajjiż, li kienet tirregola r-relazzjonijiet tal-ħaddiema ma’ min iħaddimhom, ġiet abolita fil-Qatar fl-2016, iżda l-pajjiż għadu jiffaċċja kundanna.

Hamilton qal li xtaq li aktar sportivi jitkellmu dwar is-suġġett.

Sport