Il-Maġistrat Joseph Mifsud saħaq fuq il-bżonn li n-nies ikunu tolleranti u jirrispettaw lil xulxin, fejn mhux għal kelma waħda jkun hemm min jirreaġixxi b’10 kelmiet. Dan japplika wkoll f’każijiet li jinvolvu lill-ġenituri.
Il-Maġistrat Mifsud għamel din ir-rimarka meta tressqu quddiemu żewġ persuni b’rabta ma’ ġlieda li seħħet il-Ħadd li għadda fi Triq Alexander, il-Ħamrun. Il-Pulizija kienu ssejħu fuq il-post fejn hemmhekk sabu mara feruta flimkien ma’ xi nies oħra.
Meta dawn ġew mitkellma ġie stabbilit li l-allegata vittma kienet argumentat ma’ mara oħra u fl-istess argument kien involut ukoll missierha. Fil-Qorti ntqal li l-missier kien daħal fir-residenza tiegħu li tinsab fl-istess triq u allegatament ħareġ mill-gallarija b’arma tan-nar u qalilhom “naħlihom kollha fuqkom”.
L-allegata vittma kienet allegat mal-Pulizija li hija qalgħet daqqiet mingħand iż-żewġ imputati – Chantelle Casha ta’ 35 sena mill-Imsida u David Micallef ta’ 59 sena residenti l-Ħamrun.
Jidher li l-vittma kienet f’bar biswit fejn seħħ il-każ u kif ħarġet barra rat lill-imputata tkellem lil binha ta’ 10 snin fejn qaltilha “għandek tifel arroganti” wara li dan beda jitla’ fuq it-trakk ta’ missierha biex jieħu l-ballun. Fil-Qorti ħareġ li hemm nies oħra li għadhom qed jiġu investigati filwaqt li fir-residenza tal-imputat instabu seba’ armi, kollha bil-liċenzja.
Casha u Micallef kienu mixlija li ħebbew għall-vittma u kkaġunawlha ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li kisru volontarjament il-bon ordni jew il-kwiet tal-pubbliku. Micallef waħdu kien mixli li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza kontra persuni oħra, li ġarr arma waqt li kien qed jagħmel reat kontra l-persuna u naqas milli josserva l-kudizzjonijiet tal-liċenzja tiegħu.
Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500 kull wieħed.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa megħjuna mill-Avukati Joseph Camilleri Azarov u Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.