Thursday, February 27, 2025

Liam Stewart jitressaq il-Qorti b’rabta mas-serqa tad-droga mill-AFM

Aqra wkoll

Liam Stewart ta’ 23 sena residenti l-Pietà tressaq il-Qorti ftit tal-ħin ilu wara li allegatament fil-pussess tiegħu instabet reżina tal-kannabis, l-istess kannabis li allagetament insterqet mill-barracks tal-AFM.

Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo li b’rabta mal-investigazzjoni li saret u għada għaddejja dwar is-serqa tad-droga, nhar il-25 ta’ Frar irċeviet informazzjoni li l-imputat kien qed iżomm parti mid-droga misruqa.

Hu ġie arrestat f’ħanut tal-Mile End fil-Ħamrun u minn tfittixija li saret fuqu nstabu reżina tal-kannabis u tlett iqratas kokaina. Il-Prosekuzzjoni qalet li hekk kif kienu pprovaw iwaqqfu lil Stewart hu rriversja bil-karozza u spiċċa daħal ġo vann.

Aktar tard saret tfittixija fid-dar tiegħu li hemm ukoll instabet il-kannabis u anke kokaina. Il-blokok tal-kannabis li nstabu jikkorrispondu ma’ dik li nsterqet.

Fost l-akkużi qiegħed jiġi akkużat li d-droga li nstabet ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu, li pprova jbiegħ din l-istess reżina tal-kannabis waqt li kienet misruqa, li pprova jbiegħ droga kokaina waqt li kien inqas minn metru bogħod minn skola, li saq mutur mingħajr liċenzja tas-sewqan u li għamel ħsara lil mutur ieħor.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża qabel ma talbet għall-ħelsien mill-arrest staqsiet lill-Ispettur Mangion dwar il-pakkeġġ li kellha d-droga. Hu spjega li d-droga kienet irrumblata f’tape kannella.

Qal li kemm ilu fl-iskwadra ta’ kontra d-droga dan it-tip ta’ siġill rah darba biss qabel dakinhar li l-pulizija arrestaw lil Stewart. Qal li l-pakkeġġ ta’ droga li nsabet fil-pussess ta’ Stewart hija bħal dik li ġiet elevata mill-kontejner li nsteraq mill-kwartieri tal-Forzi Armati.

Għal dan id-difiża li kienet imexxija mill-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit, qalet li d-droga kienet irrumblata f’tape kanella m’għandhiex titqies daqstant unika.L-avukat argumenta wkoll li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u għandu fedina penali netta.

L-Ispettur qal quddiem il-Qorti li l-ammont tad-droga li nstabet fil-pussess tal-akkużat tammonta għal madwar 5 kilos u ma’ l-istess droga nstabu flus kontanti b’aktar minn €8,000.

Kien hawn li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u hemm numru ta’ persuni li għad iridu jixhdu f’dan il-każ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Alfredo Mangion u Jeffrey Scicluna Briffa flimkien mal-Avukat Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-Avukat Franco Debono u Adreana Zammit.

Aktar kmieni: Mistennija tiressaq persuna oħra l-qorti b’rabta mas-serqa ta’ droga mill-AFM

Madwar 15-il minuta mistennija li titressaq persuna oħra l-Qorti quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo b’rabta mas-serqa b’rabta mas-serqa tad-droga minn kontejner li kien jinsab għand il-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi.

Dan il-każ ikompli ma’ tal-bieraħ hekk kif għall-ħabta tat-8.00pm tressqu erba’ persuni akkużti b’rabta ma’ dan il-każ.

L-akkużati kienu Sean Attard ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 19-il sena residenti l-Marsa, Yousef Essesi ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 19-il sena residenti l-Marsa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport