Friday, December 3, 2021

Partitarji ta’ Man Utd arrestati wara d-diżordni f’Old Trafford, f’Mejju li għadda

Aqra wkoll

Għaxar persuni, kollha rġiel, ġew arrestati minħabba diżordni li ġiegħel biex logħba ta’ Manchester United tiġi pos­posta.

Il-logħba kontra Liverpool f’Mejju twaqqfet wara li ġew mitfugħa murtali u oġġetti waqt protesti barra l-istadium ta’ Old Trafford tal-club u fil-Lukanda Lowry ta’ Salford.

Numru ta’ dimostranti daħlu fl-ground, li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-ispettaturi minħabba r-restrizzjonijiet tal- Covid.

L-irġiel inżammu fuq suspett ta’ diżordni vjolenti u serq.

L-arresti waqt rejds tal-pulizija fi Grea­t­er Manchester, Lancashire u Cheshire, iġibu n-numru totali ta’ nies li għandhom jinżammu b’rabta mad-diżordni tat-2 ta’ Mejju għal 18, qalet il-Pulizija ta’ Greater Manchester.

Kelliem għall-forza qal li ħames persuni s’issa ġew akkużati.

Huwa qal li d-diżordni ħalliet diversi uffiċjali “bi ġrieħi wara li nħarqu murtali u ġew mitfugħa fliexken u barrikati fuq uffiċjali tal-pulizija u żwiemel”.

Waqt li appella għal informazzjoni dwar id-diżordni, id-Deputat Spettur, Andy Fallows, qal li “l-vjolenza u t-tfixkil lura f’Mejju, partikolarment lejn il-pulizija, kienu kompletament inaċċettabbli u bla bżonn”.

“It-team tagħna ilu jaħdem jum wara jum… biex jiżgura li dawk kollha nvoluti jkunu identifikati u jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom,” huwa qal.

“L-arresti tal-lum huma pass sinifikanti ‘l quddiem fl-impenn tagħna biex nagħmlu dan.”

Il-forza ħarġet ukoll 36 immaġini ta’ irġiel li l-uffiċjali jridu jitkellmu magħhom b’rabta ma’ dak li ġara.

Deputat Spettur Fallows qal li jinsab “kunfidenti li hemm nies hemmhekk li se jkunu jistgħu jagħtuna informazzjoni kredibbli li tgħinna nidentifikawhom”.

Sport