Wednesday, March 27, 2024

AĠĠORNAT: Ħaddiema Għawdxin li nqabdu Malta se jieħdu rifużjoni jekk jorqdu f’lukanda

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex qal ukoll li jinsab infurmat b’xi ħaddiema Għawdxin li se jinqabdu Malta minħabba li waqaf is-servizz tal-Gozo Channel.

Filwaqt li skuża ruħu ta’ dan l-inkonvenjent, il-Ministru ħabbar li kull ħaddiem li nqabad Malta jista’ jorqod il-lejl f’lukanda fl-akwati u jżomm l-irċevuta. Infurmati li kemm ir-Riviera Hotel kif ukoll il-Paradise Hotel għandhom kmamar disponibbli u infurmati b’dan l-arranġament.

Aktar ‘il quddiem jidħol fis-seħħ il-mekkaniżmu ta’ rifużjoni permezz tal-App MyGozo.

5:30 p.m: Jieqaf is-servizz tal-Gozo Channel

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li jinsab infurmat li s-servizz tal-Gozo Channel ser ikun qiegħed jieqaf daqt minħabba l-maltemp li ħakem l-gżejjer tagħna.

Għaldaqstant, il-ħaddiema Għawdxin u Maltin li għandhom bżonn jaqsmu bil-baħar u jaħdmu fis-settur pubbliku, illejla huma eżentati li jirrapportaw għax-xogħol.

Huwa rringrazzja lil ħaddiema kollha tal-Gozo Channel Operations Limited tal-ħidma tagħhom.

12:15 p.m: M’hemmx passiġġieri fuq il-vapur

Il-vapur tal-Gozo Channel li jinsab jistkenn viċin Kemmuna mhux qiegħed iġorr passiġġieri u ma hemm l-ebda periklu.

Iddikjara dan iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina hekk kif kompla biex jikkonferma li dan qiegħed ankrat hemmhekk biex jistkenn mill-maltemp għax ma setax jorbot iċ-Ċirkewwa.

11:30 a.m: apur tal-Gozo Channel maqbud biswit Kemmuna … kjuwijiet twal ta’ karozzi

Vapur tal-Gozo Channel Nikolaos inqabad f’nofs ta’ baħar biswit Kemmuna hekk kif dan ma setgħax jintrabat fil-port taċ-Ċirkewwa.

Kawża tal-maltemp qawwi, b’mewġ imbassar li jitla f’għoli ta’ seba’ metri l-vapur spiċċa maqbud f’nofs ta’ baħar minħabba li fil-port tal-Imġarr Għawdex m’hemmx post fejn jidħlu t-tliet vapuri f’daqqa.

Jidher li kemm fil-port t’Għawdex u anke dak f’Malta hemm serbut twil ta’ karozza li qed jistennew għall-vapur biex jaqsmu bejn il-gżejjer tant li jidher li hemm uffiċjali fiż-żewġ naħat li qed jagħtu l-istruzzjonijiet lis-sewwieqa.

10:00 a.m: Possibbiltà li vjaġġi tal-Gozo Channel jittardjaw jew saħansitra jiġu kanċellati

Minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp ikkawżati anke minn riħ qawwi, il-Gozo Channel avżat lill-pubbliku li jista’ jkun hemm ittardjar jew saħansitra kanċellazzjoni ta’ xi vjaġġi.

Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ pajjiżna, il-Gżejjer Maltin illum se jkunu milquta minn riefnu li se jilħaq Forza 8. It-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-10:00 tal-lejla.

Ekonomija

Sport