Thursday, March 28, 2024

Raheem Sterling se jirritorna fl-iskwadra wara li nsterqulu xi affarijiet ta’ valur minn daru

Aqra wkoll

Il-winger Ingliż, Raheem Sterling, se jirritorna fl-iskwadra Ingliża li bħalissa tinsab fil-Qatar tipprepara għall-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra Franza. 

Nhar il-Ħadd li għadda, il-player ta’ Chelsea, ta’ 28 sena, mar l-Ingilterra minħabba li d-dar tiegħu kienet sfat fil-mira ta’ ħallelin fejn kien hemm ukoll il-membri tal-familja tiegħu, f’Surrey. Skont rapporti jidher li nsterqet ġojjellerija u xi arloġġi ta’ ċertu valur.

Huwa qal li telaq lejn pajjiżu biex  “jipprijoritizza l-benessri” tat-tliet itfal żgħar tiegħu.

Huwa tilef ir-rebħa tal-Ingilterra bl-iskor ta’ 3-0 fuq is-Senegal fl-Aħħar 16, iżda mistenni jerġa’ jingħaqad mal-iskwadra f’Al Wakrah, fis-sigħat li ġejjin. 

Sterling, li lagħab 81 logħba għal pajjiżu, skorja għall-Ingilterra fir-rebħa ta’ 6-2 kontra l-Iran fil-logħba tal-ftuħ ta’ dan it-tournament. 

Huwa kien fil-formazzjoni inizjali li spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals kontra l-Istati Uniti. 

Fi stqarrija l-pulizija ta’ Surrey qalet li qed tinvestiga dan il-każ fejn insterqu ġojjelli u arloġġi iżda ma kien hemm l-ebda theddid ta’ vjolenza. 

Ekonomija

Sport