Thursday, December 2, 2021

Siegħa ta’ negozjati biex ġiet salvata l-ħajja ta’ persuna minn suwiċidju

Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Siegħa ta’ negozjati kienet kruċjali biex il-Ġimgħa filgħodu ġie salvat raġel ta’ nazjonalità barranija milli jwettaq suwiċidju fil-Belt Valletta. 

Ma’ dan is-sit tkellem Dr Mark Xuereb, li jmexxi l-Crisis Resolution Malta, li kellu kliem ta’ tifħir u ringrazzjament għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, tobba tal-emerġenza u l-Pulizija li flimkien miegħu salvaw lil din il-persuna.

“Innegozzjajna għal siegħa u kkonvinċejna lil din il-persuna, li għandha ħafna problemi soċjali, u għall-grazzja t’Alla rnexxielna ntuha l-għajnuna f’ħinha u f’waqtha. Ħajr lill-Korp tal-Pulizija li ġew minnufih u morna hemm biex flimkien ħdimna bħala tim. Dan kollu juri biċ-ċar li lil hinn minn chats, emails u helplines kollha, li huma fihom infushom importanti tassew, imma apparti minn hekk joħroġ biċ-ċar li jrid ikun hemm Crisis Team, li għandu jkun attrezzat b’karozzi ta’ emerġenza u b’ċentru ta’ kriżi bieb ma bieb mal-emerġenza ta’ Mater Dei biex inkunu nistgħu nagħtu l-għajnuna lil dawn in-nies,” qal Dr Xuereb.

Huwa żied jgħid li s-suwiċidju huwa l-iktar li qed joqtol nies tal-età bejn il-15 u l-50 sena wara l-inċidenti tat-traffiku madwar id-dinja kollha. 

“Irnexxieli niktiblu karta li permezz t’hekk għentu fl-affarijiet tiegħu,” qal Dr Xuereb. Filwaqt li spjega li hemm bejn tnejn sa erbgħa suwiċidji fix-xahar f’Malta huwa ta s-sostenn lil dawk li qed ibatu jew jafu lil xi ħadd li qed iweġġa’ lilu nnifsu (self-harm). “Għandna bżonn ngħinuhom. Hemm dik il-lakuna nemmen li huwa opportun li jkollna l-Istrateġija Nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju li trid titwettaq mal-ewwel. Dan għaliex ikun hemm iktar koordinament u naħdmu mal-Aġenziji kollha. Apparti minn hekk nemmen li minnufih irid ikun hemm kumitat Nazzjonali fejn l-istakeholders kollha, inkluż in-nies li jkunu qed ibatu, biex nagħmlu strateġija. Dawn huma kollha fatturi li huma essenzjali li jiddaħħlu minnufih.”

Sfortunatament f’dan il-każ spikkaw numru ta’ kummenti li allegatament kienu qed jinkoraġġixxu lil dan ir-raġel biex jaqbeż, liema kummenti ġabu l-istmerrija ta’ bosta persuni fosthom ta’ Dr Xuereb li kkundanna bla riserva min allegatament għamel hekk. Fost il-kummenti li ntqalu allegatament kien hemm persuna li ħeġġet lir-raġel biex jaqbeż biex ikunu jistgħu jmorru lura x-xogħol.

F’dan ir-rigward, Dr Xuereb qal: “Immaġinaw dak il-persuna kien jiġi minnkom? Kien it-tifel jew ir-raġel tagħkom? Kontu taħsbuha l-istess? Tafu minn xix hija għaddejja din il-persuna? Tafu l-isfond ta’ dik il-persuna? Nemmen tassew li jrid ikollna qalb u kuxjenza soċjali. Ejja ħalli nkunu pajjiż solidali u nies li tassew jinkoraġġixxu l-ħajja u mhux ninkoraġġixxu lin-nies biex itemmu ħajjithom,” qal Dr Xuereb fejn reġa’ tenna l-importanza li tiddaħħal minnufih Strateġija Nazzjonali. 

“Ma nkunux nies li nagħżlu l-mewt jew li ninkoraġixxu l-mewt imma ejja nkunu nies li nagħżlu l-ħajja. Ta’ min jgħid ukoll li s-suwiċidju jimxi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Forsi ma nistgħux nipprevjenu kull suwiċidju imma jien lil dawn in-nies ngħidilhom biex jitkellmu ma’ omm li tilfet lil binha jew ma’ mara li tilfet lir-raġel biex taraw x’jgħidulkom. Irridu nagħtu vuċi lil dawn in-nies.” qal Dr Xuereb.

Huwa żied jgħid: “Dan tal-lum huwa eżempju ċar fejn salvajna ħajja. Ninsabu kuntenti iżda aktar importanti minn hekk din tagħmilna iktar determinati biex nilħqu l-għan tagħna – dak li jkollna Crisis Team attrezzat fejn ikollna ambulanzi u taħriġ, fost oħrajn, biex inkunu iktar ta’ eżempju għad-dinja kollha.”

Huwa għalaq b’appell biex kull min jinsab fi kriżi jew jafu lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna tagħhom, iċemplu fuq 9933 9966 jew isibuhom fuq il-Facebook jew inkella jużaw il-Kriżi App.

Dwar dan il-każ tkellmu diversi persuni fosthom il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fejn fuq il-midja soċjali huwa qal li xogħol il-Pulizija m’huwiex biss li jħarrek u jħares il-liġi iżda li jipprova jgħin lil għajru. 

“Hekk sar f’dan il-każ. Pulizija li minkejja li l-kliem li beda jingħad minn folla żgħira miġbura, ta każ tal-persuna, tal-bżonnijiet tagħha u l-ħtieġa li jħarsilha ħajjitha f’mument diffiċli. Episodji bħal dawn għandhom jgħallmuna fuq il-valuri tal-umanità, tar-rispett, tas-solidarjetà u l-ħtieġa li nifhmu u nagħdru. Minn qalbi grazzi lil dan il-Pulizija u lil kull min wera rispett u responsabilità f’dan il-mument.”

Sport