Wednesday, March 27, 2024

LEONARD CAMILLERI HUWA L-VITTMA TAL-ISPLUŻJONIJIET

DAN MA KIENX L-EWWEL INĊIDENT TAL-VITTMA FIL-KUMPLESS

Aqra wkoll

Il-vittma tal-isplużjonijiet fil-kumpless tan-nar San Ġużepp f’Ħal Kirkop huwa Leonard Camilleri ta’ 64 sena magħruf aħjar bħala Nardu ż-Żurrieqi.

Nardu huwa magħruf sew mad-dilettanti tan-nar tant li l-istorja tiegħu f’dan il-qasam hija waħda mżewqa. Dan ma kienx l-uniku inċident f’kumpless tan-nar li fih kien involut il-vittma tant li fl-2012 huwa kien sofra xi ġrieħi f’idejh (fir-ritratt) waqt li kien qiegħed jaħdem in-nar. Nardu kien ukoll detentur tal-istess kumpless lura fis-snin sakemm għal xi żmien kien irtira l-permess f’idejn ħaddieħor u waqaf milli jagħti l-kontribut tiegħu.

Nardu f’waħda mill-intervisti fuq il-programm ‘NAR’ fuq Net TV

F’waħda mill-intervisti li kien ta fuq it-televiżjoni, Nardu kien tkellem dwar l-inċidenti u kif għalkemm dak il-ħin qisek tgħid ma titlax ’l hemm, imbagħad ’l hemm terġa’ tmur. Madanakollu dan is-sit jinsab infurmat li riċentament huwa reġa’ beda jaħdem in-nar sakemm sfortunatament seħħ l-inċident ta’ dalgħodu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

9:45 a.m: Jitilgħu għal tlieta dawk fl-Isptar

Hekk kif l-operazzjoni fil-post kellha tiġi sospiża, kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-Isptar ittieħdu b’kollox tliet persuni. Tnejn minnhom huma anzjani ta’ 63 sena u 72 sena t-tnejn li huma residenti ż-Żurrieq. Dawn iż-żewġ persuni sofrew xi ġrieħi waqt li kienu għaddejjin f’xi għelieqi.

Persuna oħra, raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Kirkop li kien fil-kumpless fil-ħin tal-inċident kellu jittieħed l-Isptar minħabba xokk qawwi.

9:30 a.m: Il-maltemp ikompli jxekkel il-ħidma…

Hekk kif kompliet il-ħidma wara l-isplużjonijiet ta’ dalgħodu, dan is-sit jinsab infurmat li t-tfittxija tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili minn fuq il-post irriżultat fis-sejba ta’ katavru u assistiet persuna oħra li sofra ġrieħi.

Jidher li minbarra dawn iż-żewġ persuni ma kienx hemm persuni oħra involuti anke minħabba li skont il-protokolli fil-kumplessi tan-nar, dawk li jidħlu jkunu jridu jinfurmaw b’dan. L-anzjan iċċertifikat mejjet jidher li kienu l-uniku persuna li kien informa b’dan.

Ninsabu infurmati wkoll li minħabba l-periklu tal-maltempata, l-uffiċjali kellhom jissosspendu l-operazzjoni tagħhom għal xi ħin.

Aktar informazzjoni kif taslilna…

8:30 a.m: Raġel imut u ieħor l-Isptar

Dan is-sit jinsab infurmat li l-uffiċjali rnexxielhom isibu r-raġel li kien fil-post fil-ħin tal-isplużjonijiet. Ninsabu infurmati wkoll li sfortunatament huwa ma weriex sinjali ta’ ħajja.

Ninsabu infurmati wkoll li xi bidwi li kien għaddej mill-viċinanzi kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba xi ġrieħi li sofra.

Nifhmu li l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili għadhom għaddejjin f’operazzjoni delikata f’aktar tfittxija fuq il-post u biex ikunu wkoll jistgħu jeliminaw kull periklu.

8:00 a.m: Tfittxija għal persuna li għadha ma nstabitx

Sorsi qrib talk.mt infurmawna li minnufih bdiet ħidma delikata anke minħabba splużjonijiet sussegwenti li għalkemm ikunu iżgħar xorta jkunu ta’ periklu għall-uffiċjali tal-forzi tal-ordni.

Sfortunatament jidher li hemm persuna li għadu ma nstabx minn fost dawk li kienu fil-post, filwaqt li mill-inqas persuna oħra li kienet fil-post qabel l-inċident jidher li rnexxielu joħroġ.

7:30 a.m: Splużjonijiet fil-kumpless tan-nar San Ġużepp Ħal Kirkop

Ftit tal-ħin ilu nstemgħet splużjoni minn diversi żoni ta’ Malta. L-ewwel informazzjoni jidher li din seħħet fil-kumpless tan-nar San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop li jinsab fiż-żona magħrufa bħala Misraħ Ħlantun.

Il-pulizija u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar jinsabu fil-post u bdew minnufih bil-ħidma tagħhom. Fil-post hemm ukoll numru ta’ ambulanzi u timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei.

S’issa għadu mhux magħruf xi kkawża l-isplużjoni, u lanqas jekk kienx hemm persuni li ndarbu f’dan l-inċident.

Intant ftit tal-minuti wara l-isplużjonijiet il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri kkonferma l-aħbar.

Aktar informazzjoni kif taslilna…

Ekonomija

Sport