Thursday, December 2, 2021

Titħabbar l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Christmas in the Park’ fil-Park tal-Familja f’Marsaskala

Aqra wkoll

Adulti u tfal se jkunu jistgħu jgawdu l-Milied b’differenza din is-sena hekk kif Parks Malta se torganizza l-ewwel edizzjoni ta’ Christmas in the Park fil-Park tal-Familja f’Marsaskala.

B’attivitajiet għat-tfal, divertiment, u xogħol maħdum mill-artiġjana, il-villaġġ tal-Milied se joffri spettaklu differenti għal kulħadd bejn it-12 ta’ Diċembru u t-30 ta’ Diċembru. Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Il-preparamenti biex il-Park jinbidel f’villaġġ tal-Milied diġà bdew, bil-għan li jinħolqu diversi żoni għal-logħob, mużika u divertiment, ikel u attivitajiet oħra marbuta mal-perjodu tal-Milied.

Fost l-attrazzjonijiet ewlenin se jkun hemm presepju u siġra tradizzjonali tal-Milied. Matul dawn il-ġranet, min jattendi l-Villaġġ tal-Milied se jkollu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ personalitajiet differenti u jgawdi l-mużika minn artisti lokali. Barra minn hekk, se jkun hemm xogħol artiġjanali li l-pubbliku jista’ jixtri.

Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret ukoll inizjattiva li permezz tagħha se jinħolqu dekorazzjonijiet tal-Milied mill-ħaddiema ta’ Parks Malta, li se jkunu jistgħu jinxtraw għal donazzjoni – id-donazzjonijiet kollha se jmorru għall-Istrina.

“Tul ix-xhur tas-sajf, waqt il-ħidma regolari tagħhom, il-ħaddiema ta’ Parks Malta warrbu zkuk biex issa l-mastrudaxxi tal-parks se jużawhom biex joħolqu siġar tal-Milied u ornamenti oħra. Fl-istess ħin, il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jagħżel u jiddekora dan ix-xogħol hu stess, u l-flus li se jingħataw bħala donazzjoni se jmorru għall-Istrina”, spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jattendi Christmas in the Park biex igawdi l-festi fi spazju aċċessibbli u f’ambjent sigur. Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-villaġġ huma bejn il-5.00pm u l-11.30pm kuljum mis-17 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Diċembru. Il-villaġġ se jkun miftuħ ukoll fit-12 u t-13 ta’ Diċembru.

Preżenti għat-tnedija ta’ Christmas in the Park kien hemm is-Segretarju Permanenti Anthony Gatt u d-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard.

Sport