Thursday, April 18, 2024

AĠĠORNAT: L-IMPUTATI JSOSTNU LI MA KELLHOMX TRIQ OĦRA

Id-diżgwid inqala fuq każ ta’ prostituzzjoni...

Aqra wkoll

Il-ġlieda li wasslet għall-qtil ta’ persuna f’San Ġiljan kienet riżultat ta’ attività kriminali organizzata li kienet għaddejja marbuta ma’ prostituzzjoni.

Qal dan l-Ispettur Kurt Zahra meta tressqu l-Qorti żewġt aħwa Rumeni li qed jiġu mixlija bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Joseff Rivas ta’ 44 sena li għandu ċittadinanza doppja.

Ionut-Iulian Tanase ta’ 35 sena u ħuh Dan-Andrei Tanase ta’ 32 tressqu quddiem il-Miġistrat Ian Farrugia fejn wieġbu mhux ħatja għall-qtil li seħħ it-Tnejn waranofsinhar fi Triq Ross f’San Ġiljan.

Zahra beda biex jgħid li t-Tnejn li għadda kienu infurmati li għall-ħabta tat-3.20 p.m. fi Triq ross, Paceville kien hemm ġlieda u konsegwenza ta’ dan kien hemm persuna li qalgħet daqqiet ta’ sikkina. Huwa qal ukoll li sal-ewwel telefonata dan il-persuna kien għadu ħaj, iżda li meta l-pulizija marru fuq il-post u bdew bl-investigazzjonijiet, ftit tal-ħin wara kienu infurmat li dan kien miet.

Zahra kompla jixhed li l-Pulizija bdiet minnufih bl-investigazzjonijiet tagħha u rat ukoll filmati minn CCTVs fiż-żona. Barra minn hekk ġew mitkellma diversi persuni u mill-ewwel indikazzjonijiet irriżulta li din il-ġlieda kienet riżultat ta’ diżgwid li kien hemm minħabba attività kriminali organizzata li kienet għaddejja. Intqal ukoll li din l-attività kienet tirrigwardja prostituzzjoni. Ġew mitkellma xi persuni fosthom tfajliet li jaħdmu f’dan xogħol li bdew juru xi messaġġi lill-pulizija li kienu jagħtu indikazzjonijiet b’xi struzzjonijiet biex jitilqu mill-pajjiż.

L-Ispettur żied jgħid li ġiet arrestata persuna li assistiet fl-investigazzjoni u aktar ‘il quddiem ġew identifikati ċertu postijiet fejn l-imputati setgħu kienu. Il-Pulizija bdiet bit-tfittxijiet u għall-ħabta tal-5.30 a.m, iż-żewġt imputati marru minn jeddhom ġewwa l-Għassa ta’ San Ġiljan. 

Fl-interrogazzjoni wieħed minnhom qal li wara dak kollu li kien għaddej ma kellhomx triq oħra. Wara li ġew arrestati huma ngħataw id-drittijiet kollha u saru l-interogazzjonijiet taż-żewġ persuni fejn ittieħdu stqarrijiet twal mingħandhom.

Dawn qalu li kienu qegħdin ħdejn ħanut bilqiegħda jieħdu kafè, li kienu tliet persuni u li ġew avviċinati minn tliet persuni oħra. Mill-filmati tas-CCTVs jidhru ftit sekondi ta’ konverżazzjoni bejniethom sakemm wara nħolqot kommossjoni. Wieħed mill-persuni involuti kien il-vittma li jidher jaqla’ daqqiet ta’ sikkina. Il-pulizija f’dan l-istadju mhix teskludi li l-persuni li avviċinaw lill-imputati setgħu kienu involuti wkoll f’din l-attività kriminali organizzata.

F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati, bid-Difiża titlob li t-Tabib Dr Mario Scerri jeżamina u jiffotografa l-feriti tal-imputati b’mod speċjali dawk li sofra Jonub f’diversi partijiet ta’ rasu. 

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li Dr Mario Scerri effettivament ġie maħtur fl-istadju tal-inkjesta u mill-komunikazzjoni li kienet għaddejja bejn l-espert maħtur u l-investigaturi, tista’ tikkonferma li Dr Scerri, apparti oħrajn, diġà invista liż-żewġ imputati u ħa l-fotografija meħtieġa. 

Fiċ-ċirkostanzi, u sabiex tuża kawtela meħtieġa, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia laqgħet it-talba u ordnat li dan il-verbal jiġi kkomunikat lit-Tabib Mario Scerri biex jeżegwixxi t-talba tad-Difiża, sakemm din mhux diġà saret.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Kurt Zahra u Daniel Xuereb. L-Avukati Franco Debono, Charmaine Cherrett, Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għaż-żewġ imputati.

10:00 a.m: Tliet irġiel se jitressqu l-Qorti llejla b’rabta mal-omiċidju ta’ San Ġiljan

Aktar tard illum għall-ħabta tat-8:00 p.m se jitressqu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia tliet irġiel Rumeni b’rabta mal-qtil ta’ Joseff Rivas ta’ 44 sena , huwa ssuspettat li kien membru ta’ grupp ta’ kriminalità organizzata Rumena.

Mhux eskluż li l-qtil tiegħu huwa abbinat fuq suspettat involviment fil-kriminalità organizzata. Fil-fatt waqt li filgħodu t-tliet Rumani baqgħu jiġu interrogati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jidher li l-pulizija kienet f’kuntatt mal-kontropartijiet tagħhom fir-Renju Unit u r-Rumanija dwar il-vittma u l-konnessjonijiet tiegħu f’każi kriminali.

Rivas, li għandu ċittadinanza kemm Rumena kif ukoll dik Ingliża, huwa t-tmien vittma ta’ omiċidju għal din is-sena. Huwa nqatel b’daqqiet ta’ sikkina għall-ħabta tat-3:30 p.m fi Triq Ross ġewwa San Ġiljan. Huwa miet ftit wara fl-Isptar Mater Dei. 

Skont rapporti f’diversi sezzjonijiet tal-midja, il-vittma kien xellef difru mal-ġustizzja Ingliża u Rumena diversi drabi u huwa mifhum li kien involt f’żewġ każi ta’ omiċidju.

Għal xi snin Rivas kien imfittex mill-Interpol u nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba omiċidju fir-Renju Unit. Fir-Rumanija huwa skonta sentenza ta’ ħabs wara li kellu argument ma’ kollega tiegħu u qatlu filwaqt li aktar riċenti kien involut f’serqa.

Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija ftit sigħat wara l-omiċidju kkonfermat li arrestat tliet Rumeni ta’ 31,32 u 35 sena b’rabta mal-każ. Skont rapporti tal-midja Rumena, Rivas, kien marbut ma’ serq bl-armi, attentat ta’ qtil, u li saħansitra kien jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata matul l-aħħar għoxrin sena.

Fl-2015 il-vittma kien fost grupp ta’ rġiel arrestati fir-Rumanija suspettat li flimkien ma’ tlieta oħra, daħal f’dar tal-familja, u b’arma tan-nar, seraq madwar €100,000. Huwa kien rappurtat li fil-passat kien suġġett ta’ mandati ta’ arrest internazzjonali, madankollu, sorsi f’Malta kkonfermaw li ma kien suġġett ta’ ebda mandat ta’ arrest fil-ħin tal-qtil tiegħu f’Malta. 

B’rabta ma’ dan l-aħħar omiċidju għaddejja inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea li qed tmexxi inkjesta dwar il-każ.

Ekonomija

Sport