Thursday, December 2, 2021

TTD 2022 – Kienet diffiċli għal Malta li taqbeż il-ħames punti

Aqra wkoll

Minkejja li għaddew 13-il sena biss biex Malti tilħaq ir-rekord ta’ ħames punti, l-ordni kienet waħda kbira biex dan it-total jiġi superat meta wieħed iqis is-saħħa tal-avversarji li lgħabna kontrihom.

Għaldaqstant il-coach nazzjonali, Devis Mangia, ikollu jikkuntenta li qed jaqsam din id-distinzjoni mas-Slovakk, Dusan Fitzel, li fil-kwalifiki tal-Euro 2008 kien wasal sa ħames punti wkoll.

F’dawn il-kwalifiki tat-Tazza tad-Dinja t-team Malti tela’ biex jilgħab fi grupp diffiċli meta l-Kroazja u r-Russja jitqiesu li kienu l-aħjar żewġ timijiet bis-Slovakkja u s-Slovenja nistgħu nqisuhom f’livell inqas minnhom waqt li Ċipru, li għamlu xi żmien aħjar minna, issa nistgħu ngħidu li laħħaqna magħhom meta ħadnilhom erba’ punti u kienu biss it-13-il goal li sofrejna fl-aħħar żewġ logħbiet li tellfuna l-ħames post.

Mit-30 goal li sofra t-team Malti, il-Kroaz­ja skorjaw 10 minnhom, 3-0 f’Rijeka f’Marzu li għadda u 7-1 nhar il-Ħamis li għadda f’Ta’ Qali.

F’dawn l-aħħar żewġ logħbiet it-team lagħab bl-istess sistema, dik li jtella’ l-ballun minn fuq il-wings. Iżda meta quddiemek għandek lill-finalisti tat-Tazza tad-Dinja 2018, hija differenti milli l-avversarji jkunu tal-istess livell tiegħek.

Barra minn hekk, għalkemm aħna ma nkunux nafu l-affarijiet ta’ wara l-kwinti u r-raġuni għaliex l-coach ma lagħabx lil dak il-player jew lil ieħor, din hija kwistjoni oħra.

Per eżempju nafu li Steve Borg, li huwa kolonna fid-difiża jinsab imweġġa’ u ma setax jilgħab. Iżda ma nafux x’inhi r-raġuni li Luke Gambin, li issa qed jilgħab fil-kampjonat Malti u huwa wieħed mill-aqwa players tagħna, tħalla barra fiż-żewġ logħbiet b’dik kontra l-Kroazja lanqas kien fost is-sostituti.

Mingħajr dubju qatt ma kellna żewġ logħbiet wara xulxin li fihom sofrejna żewġ telfiet kbar bħal dawn li madankollu ħafna mill-goals waslu minn żbalji li kontra timijiet bħal dawn malajr tiġi kkastigat. U hekk kien il-każ.

Min-naħa l-oħra it-telfa ta’ 7-1 mal-Kroati kien fiha fatt li sar għall-ewwel darba meta sofrejna tliet goals fi spazju ta’ 10 minuti sas-16-il minuta (6, 8, 16).

L-istatistika tat-team Malti fl-10 logħbiet li lagħab fi Grupp H hija:

– Goals Favur: 9 (medja ta’ 0.9 kull logħba).

– Goals kontra: 30 (medja ta’ 3 kull logħba).

– Pussess tal-ballun: 44.4%.

– Preċiżjoni fil-passaġġi: 78.41%.

– Blalen irkuprati: 328 (medja ta’ 32.8%).

– Clean sheets: waħda kontra Ċipru 3-0).

– Saves: 36 (medja ta’ 3.6 kull logħba).

– Karti sofor: 24 (medja ta’ 2.4 kull logħba).

– Karti ħomor: 2 (medja ta’ 0.2 kull logħba).

Sport