Sunday, April 14, 2024

TTD: Kwartifinali bejn l-Olanda u l-Arġentina li se tibqa’ indeċiża sal-aħħar?

Aqra wkoll

Il-kwartifinali bejn l-Olanda u l-Arġentina li se tintlagħab fil-Lusail Stadium tista’ tmur għall-għoti tal-penalties minħabba li hija waħda mill-aktar bilanċjata.

L-Olanda għaddew għall-kwartifinali b’rebħa ta’ 3-1 fuq l-Istati Uniti. F’dan l-istadju ta’ din il-kompetizzjoni tilfu darba biss, fl-1994, meta sfaw megħluba 3-2 kontra rebbieħa eventwali, il-Brażil. Għalkemm ma kkwalifikawx fl-2018, fiż-żewġ edizzjonijiet tat-Tazzi tad-Dinja qabel fl-2014 u l-2010, spiċċaw fit-tielet u t-tieni post rispettivament, għalhekk se jkunu qed jimmiraw li jirbħu din l-edizzjoni.

Min-naħa l-oħra, fir-round tal-Aħħar 16, l-Arġentina għelbu lill-Awstralja bl-iskor ta’ 2-1 biex ibbukkjaw posthom fil-kwartifinali.

Mindu rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-1986, l-Albiceleste spiċċaw darbtejn finalisti telliefa, fl-1990 u fl-2014, iżda minn dakinhar ukoll sfaw eliminati fl-istadju tal-kwartifinali fi tliet okkażjonijiet.

Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu ħames darbiet fit-Tazza tad-Dinja, inkluż dan l-aħħar fl-2014, meta l-Arġentina rebħu bil-penalties fis-semifinali. Dik il-logħba ntemmet 0-0 sal-ħin regolamentari u x’aktarx li din id-darba naraw logħba oħra bilanċjata u li tabilħaqq tista’ tmur għall-għoti tal-penalties.

L-Olanda m’għandhom l-ebda problemi ta’ players imweġġgħin filwaqt li għall-Arġentina, Papu Gomez lewa l-għaksa fir-rebħa kontra l-Awstralja u kellu joħroġ mill-ground, iżda għandu jirkupra fil-ħin għal din il-logħba.

Angel Di Maria ma ġiex utilizzat kontra l-Awstralja, minħabba injury fil-koxxa li sofra kontra l-Polonja u jinsab dubjuż, għalkemm Julian Alvarez jista’ jżomm postu fil-formazzjoni inizjali, wara li skorja l-goal rebbieħ kontra l-Awstraljani.

Ekonomija

Sport