Friday, November 22, 2024

ʼIl fuq minn 80 Kelliem Lokali u Internazzjonali għall-Malta Sustainability Forum 2021

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Forum, li jixpruna d-diskussjoni u l-azzjoni sabiex tingħata prijorità lill-benesseri tal-pjaneta tagħna, se jittella’ online bejn l-25 u d-29 ta’ Jannar

Il-Malta Sustainability Forum, organizzat minn APS Bank, se jittella’ dalwaqt f’avveniment kbir online mifrux fuq ħamest ijiem, bis-sehem ta’ grupp straordinarju ta’ kelliema esperti lokali u internazzjonali.

L-ewwel edizzjoni tal-Forum tal-2019, li kienet suċċess kbir, offriet pjattaforma biex uħud mill-esperti minn madwar id-dinja jagħtu sehemhom fi djalogu miftuħ – u dejjem aktar kritiku – rigward is-sostenibbiltà. Sabiex dan il-momentum ma jintilifx filwaqt li tiġi mħarsa s-sikurezza tal-kelliema u l-parteċipanti, l-edizzjoni tal-2021 se tittella’ online bejn l-25 u d-29 ta’ Jannar. 

“Taħt il-kappa tat-tema ewlenija ‘The Time is Now’ irridu niġbdu l-attenzjoni tal-partijiet interessati kollha u tal-pubbliku b’mod ġenerali li l-isforzi li saru tul dawn l-aħħar 5 snin hemm bżonn li jiġu amplifikati. Il-pandemija pprovdiet xewqa u opportunità enormi għall-bidla, ejja naħtfuha!” spjega Herve Delpech, Uffiċjal Kap għall-Istrateġija ta’ APS Bank.

Bl-għan li jgħin sabiex jitwettqu s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-programm tal-Forum jinkludi s-sehem ta’ nies li diġà qabdu l-vjaġġ lejn il-ħolqien ta’ futur sostenibbli, u dawn se jaqsmu l-istejjer ta’ ispirazzjoni tagħhom u jinteraġixxu mal-parteċipanti. Fl-istess waqt, se jimbotta sabiex fuq quddiem nett tad-dibattitu pubbliku jkun hemm il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet realistiċi li jgħinu biex tiġi bbilanċjata mill-ġdid is-sostenibbiltà tal-pjaneta tagħna.

Il-Malta Sustainability Forum 2021 se jiftaħ nhar it-Tnejn 25 ta’ Jannar fil-11am, b’intervista diretta ta’ siegħa mal-E.T. Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella. Imbagħad, f’kull ġurnata matul il-ħamest ijiem tal-avveniment, se jkun hemm żewġ moduli jew tlieta differenti, li se jindirizzaw firxa ta’ suġġetti relatati u jlaqqgħu flimkien aktar minn 80 kelliem internazzjonali u lokali, gruppi kummerċjali u taż-żgħażagħ, kif ukoll il-pubbliku.

Fost il-bosta kelliema se jkun hemm il-Keynote Speaker Will McCallum, Kap tal-Oċeani fi ħdan Greenpeace UK, li se jieħu sehem fil-modulu dwar it-tniġġis tal-oċeani mill-plastik. Il-modulu dwar it-tmexxija bi skop se jinkludi preżentazzjoni minn Wim Vermeulen, produttur tal-film The Decade of Action, u panel ta’ diskussjoni bil-parteċipazzjoni ta’ Nikhil Patil, Kap Eżekuttiv ta’ GO fost oħrajn u b’taħdita ewlenija minn Mark Weingard, Fundatur ta’ Iniala u l-Fondazzjoni Inspirasia. L-E.T. Vanessa Frazier, l-Ambaxxatur ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma’ ambaxxaturi barranin oħra f’Malta u Dott. Helena Grech, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, bl-istess mod se jipparteċipaw f’panel ta’ diskussjoni li se jesplora s-suġġett ‘Kif il-Kooperazzjoni Internazzjonali Tista’ Tappoġġja l-Aġenda Sostenibbli ta’ Malta?’.

Start-ups, assoċjazzjonijiet u inizjattivi lokali ffukati biex jagħtu kontribut għall-mod ta’ għajxien aktar sostenibbli se jkollhom l-opportunità jgħidu tagħhom ukoll, fi ħdan il-modulu “Pitch for Good”.

L-edizzjoni tal-2021 tal-Malta Sustainability Forum se tixxandar online fil-format ta’ studio tat-televiżjoni, b’intervisti diretti, diskorsi marbutin mat-tema prinċipali, panels ta’ diskussjoni u filmati rrekordjati minn qabel bis-sehem ta’ line-up impressjonanti ta’ esperti u nies li jaħdmu fil-qasam tas-sostenibbiltà. Matul l-avveniment kollu, il-pubbliku se jkun jista’ jieħu sehem attiv u jinteraġixxi permezz ta’ sessjonijiet ta’ Q&A u live polls.

Kelliema oħra li se jieħdu sehem fil-Malta Sustainability Forum 2021 mistennija jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.

Il-Malta Sustainability Forum 2021 se jkun qed jittella’ mill-25 ta’ Jannar sad-29 ta’ Jannar. Biex tirreġistra u tinforma ruħek dwar l-aħħar aġġornamenti, jekk jogħġbok żur is-sit www.maltasustainabilityforum.com.

Sport