??-??? ??̇??????? ???-??? ? ?-????????? ???-??? ??̇??? ?-??? ?’??? Ġ?????

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) kompliet bil-ħidma tagħha biex tkompli tħares is-sigurtà pubblika wara l-akkadut f’San Ġiljan.


Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici flimkien mal-President tal-Kamra tal-Periti (KTP), il-Perit Andre Pizzuto żaru s-sit fejn ingħatat spjegazzjoni dettaljata tax-xogħol kollu li sar fl-aħħar ġimgħa f’ħidma kollaborattiva mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u anke l-Pulizija.

Il-Perit Pizzuto faħħar din il-ħidma kollaborattiva u esprima s-sodisfazzjon tiegħu inkluż għall-koperazzjoni sħiħa tal-BCA mal-entitajiet kollha rispettivi.

Fil-fatt l-Perit Pizzuto, qal li għalkemm il-KTP fetħet investigazzjoni indipendenti minn dik tal-BCA, iż-żewġ investigazzjonijiet qed jaħdmu id f’id bl-għan aħħari jkun li tiġi stabbilita il-kawża ta’ dan l-inċident.

“L-għan ta’ din iż-żjara flimkien mal-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin hu li jittieħdu l-miżuri neċċesarji fuq siti ta’ kostruzzjoni oħra u b’hekk inkomplu nnaqqsu r-riskji li naslu għal sitwazzjonijiet simili”, tenna l-Perit Pizzuto.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, spjega l-proċess tax-xogħol kollu sa minn qabel l-akkadut, u d-dettalji kollha tal-ħidma mwettqa sa issa. Fil-fatt huwa qal kif l-Awtorità kienet waħda proattiva u saħansitra evakwat lill-persuni konċernati kollha qabel l-akkadut. Żied jelabora li wara l-akkadut saru aktar evakwazzjonijiet f’binjiet li seta’ jinħoloq periklu fihom fil-proċess tat-twaqqigħ u t-tindif ta’ sit.

Matul din iż-żjara, il-Perit Bonnici, ta rendikont tal-għajnuna kollha li ngħatat lil terzi persuni b’rabta ma’ dan l-inċident.

“Fl-aħħar ġimgħa saru 182 kuntatt b’telefonata lil dawk milquta, intbagħat 241 messaġġ u saru 24 laqgħa ma’ persuni li ġew milquta. Uffiċjal tal-Awtorità kien il-ħin kollu fuq is-sit biex jassisti lil dawk milquta. Dan wassal sabiex dawn il-persuni, sidien u inkwilini, ngħatatilhom residenza temporanja”, temm jgħid il-Perit Bonnici.

Sport