Saturday, December 21, 2024

10-lb PENALTY

Aqra wkoll

Qed nistħajlek tħares lejn it-titlu u tistaqsi lilek innifsek, ‘Biex ġej Frans illum?’ Għandek raġun għax titlu bl-Ingliż u apparti hekk tista’ tasal timmaġina x’inhu jekk tkun dilettant tat-tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru fl-Ingilterra. Tiġrijiet ta’ fuq id-dahar u mhux bis-serkin kif imdorrijin bihom hawn Malta.

Bħalissa qed naqra ktieb jismu 10-lb PENALTY ta’ Dick Francis. Mhux xi ktieb ġdid. Biss biss Dick Francis, imwieled Wales, se jagħlaq 15-il sena mejjet u kieku għadu ħaj, fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda għalaq 104. Apparti li kien kittieb, f’żogħżitu kien ġerrej taż-żwiemel. Fil-fatt l-istejjer misterjużi fil-kotba tiegħu huma bbażati fit-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-ktieb li qed naqra mhux eċċezzjoni. Ismu stess jindika dan.

Madankollu apparti l-element tat-tiġrijiet taż-żwiemel, il-ktieb għandu element qawwi politiku. Fil-fatt huwa ambjentat waqt kampanja elettorali għal siġġu fil-Parlament Ingliż wara l-mewt ta’ Membru Parlamentari. By-election fid-distrett ta’ Dorset. L-istorja ddur ma’ negozjant li qed jikkontesta din l-elezzjoni u ibnu ta’ 18-il sena, li ma rnexxiex daqs kemm xtaq bħala ġerrej taż-żwiemel u issa qiegħed fil-magħmudija tan-nar politika jgħin lil missieru fil-kampanja li qed jagħmel.

Se nirriproduċi, ovvjament maqluba għall-Malti mill-Ingliż, parti li laqtitni ħafna. Mhux twila, imma fiha x’tomgħod. Ħalli qabel xejn nambjentak ftit mal-istorja.
Il-grupp tan-negozjant organizza attività għall-kostitwenti, li kienet tinkludi l-ikel. Attività bi ħlas. In-negozjant ħallas ‘il-biljett’ ta’ ibnu, imma xi ħadd minn tal-kumitat organizzattiv qallu li ma kellux għalfejn. Iżda n-negozjant insista li jħallas. Kienu fi triqthom minn Brighton, isuq il-missier.

‘Qatt taċċetta rigali’, wissieni missieri. ‘Ir-rigali jistgħu jkunu jidhru li ma joffru ebda periklu, imma maż-żmien dawn jistgħu jiġu lura biex jippersegwitawk. Għid le. Ħallas għalik innifsek, fhimtni?’

‘Iva, naħseb li fhimtek.’

‘Qatt tpoġġi lilek innifsek fil-pożizzjoni li jkollok tħallas lura xi favur kbir li jkun sarlek meta int taf li dak li tkun qed tintalab tagħmel huwa ħażin.’

‘Tieħux ħelu mingħand barranin?’

‘Eżattament hekk.’

Il-membru tal-kumitat organizzattiv li kienet qed tieħu ħsieb l-attività qalet lil missieri illi kieku kellu mara (ommi mejta), ma kinetx se tħallas għall-biljett tagħha, kien ikun b’xejn.

Missieri, bi tbissima ġentili imma li kienet turi li d-deċiżjoni tiegħu kienet finali, dar fuqha u qalilha ‘Għat-tifel se nħallas jien. Għażiża Polly, targumentax.’

Ħallas il-prezz tal-biljett u dħalna. Polly dendlet geddum daqshiex.

Nagħmel rasi taħt mannara li int li qed taqra, taf b’aktar minn każ wieħed ta’ din ix-xorta. Huma affarijiet li jnibbtu l-korruzzjoni. Li jagħtu lok għal rikatti. Li jagħtu lok biex jitħammġu nies li mhux bilfors ikunu implikati fil-ħaġa. Jisfaw vittma bla ħtija għax ikunu fdaw iżżejjed.

Min jaf kemm hemm nies fix-xena politika f’tali sitwazzjoni! Min jaf kemm hawn min iħossu b’saħħtu u kull x’ħin ifettillu jmur fuq dak u fuq l-ieħor biex jiġbor ‘ħlas’ b’lura! Min jaf kemm hawn min għandu sieq ‘l hawn u oħra ‘l hinn biex skont id-daqqa jiżfen! Min jaf kemm hawn min għandu f’idu l-ispag tal-pupazzi! Viva chi regna!

Marda kronika magħrufa aktar minn biżżejjed. Mhux f’Malta biss. Mhux fil-politika biss. Meta fittixt fuq l-awtur Dick Francis ma sibt imkien li xi darba ġie Malta. Imma naħseb li kieku ġie, kien meta kien iż-żmien, sfond għal xi ktieb ieħor kien isib ŻGUR. Taħseb bħali?

It-Torri Vendome Marsaxlokk

Lejn tmiem Mejju li għadda, bħala Xlukkajr b’mod partikolari, fraħt mhux ftit meta ħarġet aħbar uffiċjali li kien se jingħata bidu għal proġett ta’ restawr tat-Torri Vendome f’Marsaxlokk. Fraħt aktar meta qrajt ukoll li meta jitlesta r-restawr dan it-torri storiku se jingħadda lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk bil-għan li mbagħad jintuża għal skopijiet kulturali marbutin mat-tradizzjonijiet Xlukkajri. Kont ktibt dwar dan f’din il-paġna l-Ħadd, 2 ta’ Ġunju 2024.

Minn dakinhar ‘il hawn ma jidhirlix li rajt jew qrajt affarijiet oħrajn dwar dan it-torri storiku. Diġà għaddew sitt xhur. Forsi qiegħed nippretendi żżejjed. Sinċerament ma nafx xi żviluppi kien hemm tul dawn l-aħħar sitt xhur. Imma meta taqra li se jingħata bidu għal proġett ta’ restawr tat-Torri Vendome f’Marsaxlokk, x’għandek tifhem biha? BIDU jfisser li s’issa kien għadu ma sar xejn? Qed nistaqsi hekk għax b’restawr f’dan il-każ jien nifhem xogħol fl-istruttura, xogħol fil-ġebla, li minnu t-Torri Vendome jeħtieġ ħafna. Issa jekk qed nifhem ħażin u forsi għad irridu, per eżempju, niskopru fejn jinsabu l-pjanti u jekk hemmx xi pretensjonijiet mill-privat fuq dan il-post u x’naf jien, allura nimmaġina li ż-żmien ta’ stennija se jkun twil mhux ħażin!

Ma jaħsibx il-Ministeru responsabbli mill-proġett konċernat li jkun tajjeb li jingħataw dettalji dwar il-proġett, bħal meta fir-realtà se jibda r-restawr, kemm mistenni jieħu żmien biex jitlesta, kemm ġew ivvutati flus għalih.

Sadattant is-sitwazzjoni li jinsab fiha t-Torri Vendome xejn ma hija waħda pjaċevoli. Kull ġurnata li tgħaddi tiggrava s-sitwazzjoni. Ir-ritratt ta’ parti mill-ħsara li hemm titkellem waħedha u m’hemmx x’iżżid magħha.

Għall-benefiċċju tal-qarrejja, it-Torri Vendome jmur lura għas-sena 1715/6 fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kien inbena mill-Prijur ta’ Franza, Philippe de Vendome. Wieħed minn erba’ ridotti ta’ dan it-tip li kienu nbnew biex tissaħħaħ id-difiża tal-kosta Maltija. Huwa l-uniku wieħed li fadal tax-xorta tiegħu. Dan, minnu nnifsu, ikattar l-importanza li nibżgħu għalih.

Ekonomija

Sport