Sunday, December 22, 2024

10 mejta wara li karozza tal-linja li tintuża għat-tiġijiet inqalbet fl-Awstralja … ix-xufier qed jinżamm arrestat

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 10 persuni mietu u 25 oħra kellhom jittieħdu l-Isptar wara li karozza tal-linja li tintuża għat-tiġijiet iġġarrfet f’reġjun fl-Awstralja.

Il-passiġġieri kienu qed jirritornaw minn tieġ li sar f’fabbrika tal-inbid il-Ħadd billejl f’Hunter Valley, post popolari għat-turisti li jħobbu l-inbid, meta x-xarabank inqalbet.

Il-Pulizija qalet li akkużat lis-sewwieq tal-linja ta’ 58 sena, iżda għad trid tiżvela l-akkużi. Il-miżżewġin friski ma kinux f’din il-vettura fil-ħin tal-inċident.

Jidher li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30 p.m. (ħin lokali), u kien hemm ċpar kbir fl-inħawi. Il-karozza tal-linja nqalbet meta kienet qiegħda tagħmel dawra f’roundabout ‘l barra mill-awtostrada.

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija ta’ New South Wales Tracy Chapman qalet li l-mistednin kienu qed jivvjaġġaw lejn Singleton “probabbli għall-akkomodazzjoni tagħhom.” Il-Pulizija qalet ukoll li għadha fil-proċess li tidentifika l-identità tal-vittmi.

Il-Prim Ministru Awstraljan Anthony Albanese esprima d-dwejjaq tiegħu li ġurnata ta’ ferħ f’post mill-isbaħ kellha tinbidel fi traġedja bħal din. F’konferenza stampa f’Canberra, huwa saħaq li n-nies jikru karozza tal-linja għat-tiġijiet sabiex iżommu lill-mistednin tagħhom siguri u dan iżid man-natura inkonċepibbli ta’ din it-traġedja.

Is-Sur Albanese tenna jgħid li wħud mill-passiġġieri midruba jinsabu fl-isptar John Hunter, iżda ħafna oħra kellhom jittieħdu lejn Sydney.

Il-Premier ta’ NSW Chris Minns qal li t-telf ta’ tant ħajjiet ma kien “xejn għajr uġigħ ta’ qalb”. “Biex ġurnata ta’ ferħ tinbidel f’telf ta’ ħajjiet hi tassew krudili. Il-ħsibijiet tagħna huma wkoll ma’ dawk li weġġgħu,” qal Minns.

Ekonomija

Sport