Sunday, December 22, 2024

10 residenti mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ilestu b’suċċess kors akkreditat fl-ospitalità fi ħdan l-ITS

Aqra wkoll

B’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi, 10 residenti fi ħdan l-Aġenzija temmew b’suċċess kors akkreditat fl-ospitalità li permezz tiegħu mhux biss kisbu ħiliet ġodda li se jibqgħu magħhom għal dejjem, iżda anke se jkollhom ċertifikati x’juru lil min iħaddem malli tasal il-ġurnata li joħorġu lura fis-soċjetà.

Fil-presenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, dawn l-10 persuni ġew ippreżentati b’ċertifikat fi tmiem dan il-kors, fejn kisbu wkoll b’suċċess il-liċenzja tal-food handling.

Il-kors li ngħata minn żewġ għalliema professjonisti kien jinkludi kemm il-ħidma ġewwa kċina u anke l-għoti tas-servizz ġewwa ristorant. L-għaxar residenti kollha għaddew mill-assessjar li sar b’rabta ma’ dan il-kors.

F’kumment, il-Ministru Byron Camilleri qal li dawn it-tip ta’ inizjattivi huma ta’ fejda kbira għax huma xhieda ta’ riabilitazzjoni effettiva u fil-prattika. Huwa stqarr li t-taħriġ li huma ħadu mhux biss huwa parti intrinsiku mill-proċess riabilitattiv tagħhom iżda fuq kollox huwa investiment fil-futur ħalli malli jiskontaw is-sentenza jkunu jistgħu jmorru jfittxu impjieg b’wiċċhom minn quddiem hekk kif se jkollhom iċ-ċertifikati li juru l-ħiliet li jkunu tgħallmu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo sostna li ftit inqas minn sena mill-bidu tal-ITS Training School propju fi ħdan l-istess istituzzjoni qegħdin jaraw l-ewwel riżultati pożittivi. “Din l-iskola ta’ taħriġ hija opportunità li fl-immedjat inħarrġu iżjed nies lokali li jkunu interessati jaħdmu fid-dinja tal-ospitalità. Ninsabu determinati li noħolqu iżjed karrieri għal min irid jaħdem f’din l-industrija,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Ekonomija

Sport