Din is-sena timmarka għaxar snin minn meta l-Parlament Malti rrikonoxxa unanimament il-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala lingwa nazzjonali. Dan il-pass storiku mhux biss żied lingwa oħra rikonoxxuta fil-liġi, iżda kien messaġġ ċar favur l-inklużjoni, ir-rispett u d-dinjità tal-komunità deaf f’Malta u Għawdex.
Biex tiġi ċċelebrata din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, kienet preżenti għaċ-ċerimonja kommemorattiva tal-10 snin mit-twaqqif tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Ir-rikonoxximent tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija kien pass importanti biex il-persuni neqsin mis-smigħ jingħataw aktar opportunitajiet biex jesprimu ruħhom, jipparteċipaw fis-soċjetà u jsaħħu l-identità tagħhom. Għall-komunità deaf, il-lingwa tas-sinjali mhijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni, iżda wkoll espressjoni tal-kultura u tal-identità tagħhom.
Matul dawn l-aħħar għaxar snin sar progress importanti, fosthom it-twaqqif tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, l-iżvilupp ta’ servizzi speċjalizzati għall-persuni neqsin mis-smigħ, kif ukoll korsijiet fl-Università ta’ Malta biex jitħarrġu interpreti tal-lingwa tas-sinjali. Bħala parti minn dan l-impenn, sar ukoll investiment ta’ €70,000 biex jiġi żviluppat u offrut l-ewwel kors mgħallem bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, pass ieħor importanti biex jiżdied l-aċċess għall-edukazzjoni u jissaħħaħ l-użu ta’ din il-lingwa fis-soċjetà. Malta kienet ukoll minn ta’ quddiem internazzjonalment bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni u warrants għall-interpreti tal-lingwa tas-sinjali.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “ir-rikonoxximent tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija kien pass storiku li wera b’mod ċar x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu. Pajjiż li jħaddan l-inklużjoni, jirrispetta d-diversità u jagħti vuċi lil kulħadd. Għalina, il-komunità ta’ persuni neqsin mis-smigħ mhijiex komunità li għandha tiġi adattata għas-soċjetà, iżda komunità li hija parti integrali mill-identità ta’ pajjiżna. Huwa għalhekk li bħala Gvern se nibqgħu naħdmu biex inkomplu nsaħħu d-drittijiet, is-servizzi u l-opportunitajiet għall-komunità deaf, sabiex ħadd ma jibqa’ lura,” temmet tgħid il-Ministru.
Fil-messaġġ tagħha, iċ-Chairperson tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (KLSM), Annabelle Xerri, saħqet li mill-bidu nett il-viżjoni kienet ċara: li l-liġi ma tibqax biss kliem fuq il-karta, iżda ssir realtà fil-klassijiet, fis-servizzi pubbliċi, fil-ħajja ta’ kuljum u fid-djar madwar Malta u Għawdex.
Xerri nnutat b’sodisfazzjon li matul is-snin kien hemm żieda sinifikanti fl-interess biex titgħallem il-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM), b’aktar persuni jagħżlu li jistudjawha u jiskopru li hija lingwa kompluta u rikka, bl-istess valur u struttura bħal kull lingwa mitkellma. Din il-kommemorazzjoni hija wkoll okkażjoni biex nirringrazzjaw lill-komunità deaf u lill-attivisti li għal snin twal ħadmu biex il-lingwa u l-kultura tagħhom jiġu rikonoxxuti u rispettati, temmet tgħid Xerri.

