Saturday, November 16, 2024

10 xhur ħabs sospiżi għal sena talli pprova jisraq minn gallarija tal-arti f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Sean Vella ta’ 42 sena ġie kkundannat għaxar xhur ħabs sospiżi għal sena hekk kif instab ħati li pprova jisraq minn gallarija tal-arti f’Tas-Sliema.

Hu kien mixli li flimkien ma’ Jason Briffa ipprova jisraq ir-Royal Art Gallery liema seraq ma seħħitx minħabba ċirkostanzi li ma kellhomx fuqhom l-akkużati.

Kien fid-9 ta’ Jannar tal-2018 meta l-Qorti tal-Maġistrati ma sabithomx ħatja tal-akkużi minħabba li skont din il-Qorti s-serqa baqgħet ma saritx. L-uffiċju tal-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza hekk kif ħass li ż-żewġ akkużti kellhom jinstabu ħatja.

Sakemm kien qiegħed jinstema l-appell, Briffa wieħed mill-akkużati laħaq miet, u għalhekk il-każ kompla biss kontra Sean Vella.

L-Imħallef Edwina Grima li quddiemha nstema l-appell semgħet ix-xhieda ta’ sid il-gallarija tal-arti li fiha qal li hu ra ż-żewġ irġiel jipprovaw jisgassaw l-istess gallarija.

Skont dak li xehed fil-Qorti, huma ħarbu minn fuq il-post filwaqt li hu baqa’ jsegwihom fejn anke kien ħa nota tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-karozza li kienu fiha.

Fil-Qorti sostna li ftit wara huma reġgħu marru fuq il-post fejn mill-ġdid ipprovaw jisgassaw il-bieb tal-gallarija qabel ma reġgħu ħarbu.

Is-sid kien diġà nforma lill-Pulizija b’dan l-attentat ta’ serqa fejn anke l-uffiċjali tal-forzi tal-ordni kienu waqqfu l-karozza ndikata mis-sid tal-gallarija. Fil-karozza, il-pulizija kienu sabu lieva, turnavit u par kalzetti suwed.

L-Imħallef Grima fis-sentenza tagħha qalet li dawn il-provi kollha juru li ż-żewġt irġiel kellhom l-intenzjoni li jisirqu xi oġġetti mill-gallarija tal-arti.

Għalhekk biddlet is-sentenza tal-Ewwel Qorti u sabet lil Vella ħati tal-attentat tas-serqa. Hu kien ikkundannat għaxar xhur ħabs sospiżi għal sena.

Ekonomija

Sport