Thursday, December 19, 2024

100 applikazzjoni f’Marzu għall-iskema “Irrinova Darek”

Aqra wkoll

L-Awtorità Għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħabbret is-suċċess tal-iskema ‘Irrinova Darek’ b’total ta’ 100 applikazzjoni fix-xahar ta’ Marzu 2022.

L-iskema tħabbret sabiex tassisti fir-rinnovazzjonijiet ta’ proprjetajiet ġewwa l-port il-kbir, fejn dawn il-lokalitajiet jinkludu bini li huwa innefiċċjenti fl-enerġija u jippreżentaw diffikultajiet biex jiġu rinnovati. Il-BCA offriet somma ta’ €600,000 għal din l-inizzjattiva bl-intenzjoni li tibda tindirizza l-miri nazzjonali ta’ rinnovazzjoni għal residenzi privati, f’konformità mal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi wera’ sodisfazzjon għas-suċċess ta’ din l-iskema, “Dan se jwassal għal numru sostanzjali ta’ familji li jgħixu fil-port il-kbir, inkluż il-Kottonera, sabiex jibbenifikaw minn għotja b’massimu ta’ €15,000.”

Żied billi qal li b’dawn il-fondi ħafna familji se jkunu jistgħu jkomplu b’xogħolijiet fuq il-propjetà tagħhom, speċjalment fuq xogħol t’insulazzjoni termali, ventilazzjoni naturali, ‘solar water heaters’ u benefiċċji oħra bħal ‘double glazing’ għall-aperturi, fost oħrajn.

“L-ikbar pjaċir tiegħi huwa meta nara l-pubbliku jipparteċipa f’inizzjattiva bħal din li tħabbret mill-Awtorità, li eventwalment twassalna biex ngħixu f’ambjent aħjar. Grati ħafna li din l-iskema ‘Irrinova Darek’, li kienet aċċessibbli bejn l-ewwel ta’ Marzu sa’ l-ewwel t’April, rċeviet il’ fuq minn 100 applikazzjoni,” saħaq is-sur Karl Azzopardi, CEO tal-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni.

Permezz ta’ din l-iskema ta’ rinnovazzjoni, il-binjiet jista’ jkollhom prestazzjoni tal-enerġija li hija 20% aħjar minn dawk ta’ “Nearly Zero Energy Buildings”. Fatturi mportanti oħrajn jinkludu t-tnaqqis fl-użu tal-enerġija li hemm bżonn biex tgħolli t-temperatura fid-dar, li jwassal biex titnaqqas l-enerġija li hemm bżonn għad-dawl u arja friska, kif ukoll li tippermetti l-integrazzjoni ta’ sorsi t’ enerġija rinnovabbli.

Kif ix-xogħol jitlesta, il’ fuq minn 90% tal-ispejjeż tal-proġett se jingħataw lura lill-applikant, skont l-evalwazzjoni tal-BCA. L-għotja massima hija ta’ €15,000, b’€900 addizzjonali li jmorru għall-installazzjoni ta’ ‘solar water heater’ jew ‘heat-pump water heater’. L-għotja massima għax-xogħlijiet li jinvolvu l-installazzjoni ta’ ‘solar water heater’ hija ta’ 50% tal-ispiża.

Permezz tal-iskema ‘Irrinova Darek’, il-BCA kompliet bil-ħidma tagħha sabiex tibqa tirriforma l-industrija tal-bini u kostruzzjoni, u sabiex tibni soċjetà aktar sostenibbli għal kulħadd.

“B’miżuri bħal dawn, il-pajjiż se jkun qed jaħdem biex jilħaq il-miri tiegħu t’effiċjenza fl-enerġija b’mod aktar profiċjenti, filwaqt li l-familji li jinstallaw dawn is-sistemi se jkunu qed jinvestu fil-futur tagħhom, kemm biex jiffrankaw mill-kontijiet tal-utilitajiet, kif ukoll biex itejbu l-benesseri tagħhom, u dan iwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Ekonomija

Sport