Saturday, October 12, 2024

100 IDEA – Proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa biex flimkien infasslu l-futur

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, ħabbar proġett bl-isem ta’ “100 IDEA”, li se jpoġġi d-diskussjoni politika fiċ-ċentru tal-ħidma tal-istess Partit, fis-sena li timmarka l-mitt anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

Dan il-proġett, li huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, se jara l-ħolqien ta’ għaxar policy fora, li flimkien mistennija jkopru l-oqsma kollha li jaffettwaw lil pajjiżna u l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Dr Miriam Dalli, tkellmet dwar tliet fora li se tikkordina hi, u li se jkopru l-qasam ekonomiku, ambjentali u tas-saħħa.

Fil-forum ĠID LI JASAL GĦAND KULĦADD dwar l-ekonomija mmexxi mill-analista finanzjarju Steve Ellul, se jiġu preżentati proposti li jwasslu l-ġid għand kulħadd, u li jwasslu lejn mudell ekonomiku ġdid li jiffoka fuq niċeċ ekonomiċi ġodda li jħarsu lejn is-sostenibbiltà. Se jara kif il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu preparati għax-xogħlijiet tal-lum u ta’ għada, u kif jissaħħu l-finanzi tal-pajjiż u jkompli jiġi sostnut turiżmu ta’ kwalità.

Il-Partit Laburista jemmen li L-AMBJENT: ĠID KOMUNI, u dan il-forum, immexxi mill-Perit Chris Mintoff, se jipproponi miżuri li jgħinu lis-settur tal-biedja u s-sajd. Se jara li jkun hemm l-investiment xieraq biex issir aktar riċerka u innovazzjoni, fost l-oħrajn dwar il-European Green Deal, li jmur paripassu mal-viżjoni li nieda l-Prim Ministru Robert Abela li pajjiżna jkun ħieles mill-karbonju sas-sena 2050.

Fil-forum dwar SAĦĦITNA, immexxi mit-tabib Jan Chircop, se jsir xogħol biex jissaħħaħ is-servizz tas-saħħa imma wkoll jiġu mħarsa d-drittijiet tal-pazjenti. Se jiġi diskussi l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-anzjani u ta’ tfal li jkunu għaddew minn mard kroniku. B’mod partikolari, se jkun esplorat kif it-teknoloġija tista’ ssaħħaħ is-servizzi tas-saħħa u kif ir-riċerka tista’ tgħin fejn jidħol il-mard rari. Se jsiru wkoll proposti li jindirizzaw l-obeżità, l-isport u l-attività fiżika.

“Il-bażi tal-politika li se naħdmu fuqha hija s-sostenibbiltà biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin. Konvinta li dawn it-tliet policy fora, għalkemm distinti, se jaħdmu id f’id biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar, ambjent b’saħħtu u ekonomija reżiljenti”, saħqet Miriam Dalli.

Il-President tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard, tkellmet dwar l-erba’ fora li se tkun qed tikkordina hi.

MALTA : L-IRWOL TAGĦHA FIL-MEDITERRAN, FL-EWROPA U FID-DINJA huwa forum li se jitmexxa minn Anthony David Gatt u li se jara li pajjiżna jaħdem fuq kwistjonijiet ċentrali bħall-immigrazzjoni u r-riżorsi umani li se jkollu bżonn biex isaħħaħ ir-rabtiet ma’ pajjiżi u swieq ġodda inkluż l-Afrika, l-Amerika Latina u l-Ażja. Dan il-forum se jara wkoll li s-sigurtà ta’ pajjiżna tibqa’ prijorità.

ILKOLL INDAQS, immexxi minn Rebecca Buttigieg, huwa forum li se jiddiskuti suġġetti li jattiraw kritika. Dan il-forum mhux biss se jkompli jixpruna lill-Gvern fuq l-ugwaljanza fejn jidħlu nisa u rġiel, imma se jwassal proposti dwar kif persuni b’diżabilità jistgħu jipparteċipaw aħjar fil-ħajja pubblika. Dan il-forum se jiddiskuti wkoll il-ħaddiema barranin u r-reliġjonijiet differenti. Dan il-forum se jinkludi wkoll lill-anzjani u kif dawn jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà.

IL-FUTUR TA’ ULIEDNA, immexxi minn Alison Civelli, se jesplora l-edukazzjoni ħolistika – dik akkademika, kultura, sportiva u fis-snajja’. Dan il-forum se jiddiskuti t-tfal u d-dinja online, il-ħin ta’ kwalità tal-familji, tfal ta’ ġenituri li jkunu għaddejjin minn separazzjoni, u tfal li jaffaċċjaw diffikultajiet biex jitgħallmu bħall-awtiżmu u d-dislessija.

IL-QAFAS DEMOKRATIKU TA’ MALTA se jkompli jsaħħaħ il-ħidma tal-Partit Laburista li mill-Gvern ħa sensiela ta’ deċiżjonijiet kuraġġużi biex isaħħaħ il-kredenzjali demokratiċi ta’ pajjiżna. Immexxi minn Dr Jonathan Attard, dan il-forum se jwessa’ l-applikazzjoni tal-prinċipji demokratiċi biex mhux biss jassigura t-tisħiħ tal-mekkaniżmu kontra l-abbuż imma jaċċerta li kulħadd ikompli jkollu d-dritt li jagħżel u jiddetermina d-destin tiegħu. Fi ħdan dan il-forum se jiġi assigurat ukoll li jkun hemm aktar tibdil kostituzzjonali.

“L-appell tiegħi hu biex min iħoss li jrid jagħti kontribut, jikkomunika magħna. Mhux biss min jassoċja ruħu mal-Partit Laburista imma anki min jemmen li bħalissa dan hu l-unika Partit li jista’ jkun katalist għal aktar bidla. Min forsi ma jaqbilx magħna f’kollox imma jemmen li dan il-Partit għandu r-rieda u għatxan biex jaħdem għall-ġid tal-pajjiż”, saħqet Ramona Attard. 

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, tkellem dwar it-tliet fora li se jkun qed jieħu ħsieb hu.

SOĊJETÀ FEJN KULĦADD JIMXI ’L QUDDIEM huwa l-Forum li fih se jiġi diskuss dak kollu fil-qasam soċjali. Bit-tmexxija ta’ Dr Maria Brown, dan il-Forum għandu l-għan li jfassal politika li tibni fuq it-tajjeb li sar fl-aħħar snin u tara l-progress ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Fost l-oħrajn, se jiġu diskussi l-ġlieda kontra l-faqar, l-akkomodazzjoni soċjali, il-garanzija għat-tfal, il-morda u l-vulnerabbli.

GĦAWDEX jimmerita diskussjoni dejjem aktar speċifika. Bit-tmexxija ta’ Monica Farrugia, u bit-tema “Għawdex-Opportunità Ekonomika”, se titfassal politika għar-reġjun Għawdxi. Dan għax Għawdex għandu karatteristiċi u potenzjal ferm differenti minn Malta. Hija gżira b’potenzjal li kif uriet fis-snin li għaddew, hija mutur ekonomiku, mogħnija b’ambjent naturali mill-isbaħ u potenzjal ta’ opportunitajiet preżenti u futuri kbar.

KUNSILLI LOKALI AKTAR B’SAĦĦITHOM huwa l-għaxar forum, li mmexxi mill-eks Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Sarah Agius Saliba, se jara kif l-irwol tal-kunsilli evolva u kif għandu jevolvi fil-futur. Il-Kunsilli huma l-ewwel għatba għall-pubbliku u dan il-forum għandu l-għan li jixpruna fil-Kunsilli Lokali ħidma biex jattiraw l-aqwa talent fil-lokalitajiet fi ħdanhom u jkunu l-katalisti għall-bidliet li hemm bżonn fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna.

“Mil-lum jibda proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ għal kull min jixtieq jagħti sehmu bl-ideat. 100 IDEA hija tema ispirata mill-fatt li qegħdin fil-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista. Il-mira tagħna hi li dan l-eżerċizzju jikkonkludi ruħu sal-aħħar ta’ din is-sena u minn hemm jitlaq proċess ieħor ta’ diskussjoni aktar speċifika mibnija fuq dawn l-ideat”, temm jgħid Daniel Micallef.

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt, jista’ jagħmel dan billi jibgħat e-mail fuq [email protected] jew messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista.

Sport