Tuesday, June 17, 2025

100 SENA TAL-INDUSTRIJA TAL-FILMS F’MALTA

Aqra wkoll

Għal żmien twil, l-industrija tal-films f’pajjiżna kienet waħda staġjonali. Kienet tkun ikkritikata bħala waħda li taħdem bl-iskossi. Dan ix-xenarju dam għaddej għal xi żmien. Issa, il-paġna nqalbet kompletament u qegħdin naraw industrija li kulma jmur qed tkompli tiffjorixxi, tiknber u tissaħħaħ. Industrija li qiegħda toffri impjiegi u karrieri tajbin. Dan qed tagħmlu għax qed tiġbed lejn pajjiżna aktar u aktar films u aktar blockbusterrs minn sena għall-oħra. 

Bla dubju li x-xenarju naturali tal-gżejjer Maltin magħġun mal-wirt storiku u kultura li huma mogħnija bih, u anke s-sbuħija tal-ibliet u l-irħula tagħna flimkien mal-faċilitajiet tal-ewwel klassi fir-Rikżli, huma asset għall-industrija tal-ġbid tal-films. Joffru sfond mill-isbaħ għall-kwalunkwe produzzjoni.

Dan ma ngħiduhx aħna biss imma jgħiduh ukoll bosta diretturi u produtturi u anki atturi li baqgħu msaħħra b’dak kollu li pajjiżna joffri. Wirt storiku, poplu ospitabbli u ħaddiema bieżla li jitgħallmu malajr aktar minn popli oħra. 

Proprju din is-sena Malta qiegħda tiċċelebra l-100 anniversarju ta’ films fil-pajjiż. Huwa għalhekk opportun li nfakkru fil-mixja u l-kisbiet kbar li saru f’din l-industrija b’mod partikolari fl-aħħar snin fejn l-investiment ma naqas qatt. Biss biss, mill-2018 ‘lhawn ġew prodotti f’pajjiżna 169 film b’budgets li jaqbżu s-€635 miljun li ħallew impatt pożittiv ferm fuq l-ekonomija nazzjonali. 

Storikament, Marzu ta’ din is-sena kien xahar rekord għall-industrija tal-films – tmien produzzjonijiet jiffilmjaw f’daqqa filwaqt li x-xahar li għadda ra wkoll tmien produzzjonijiet oħra jaħdmu fl-istess ħin. Apparti minn hekk, tmienja minn kull 10 ħaddiema f’din l-industrija huma Maltin. 

Dawn is-suċċessi komplew jiġu amplifikati bil-fatt li llum għandna blue print tas-soundstage, bil-mudell huwa lest biex jinbena. Issa li l-permessi ġew miskuba, il-pass li jmiss huwa l-għażla tal-mudell finanzjarju. B’hekk dalwaqt, Malta se tkun tista’ toffri faċilità ta’ livell internazzjonali għal produzzjonijiet tul is-sena kollha. 

Fi tmiem din il-ġimgħa se jingħata bidu wkoll għall-Mediterrean Film Festival li għandu sehem importanti fil-promozzjoni ta’ Malta barra minn xtutna. Dan il-festival, li issa daħal fit-tielet edizzjoni tiegħu, qiegħed jiġbed l-attenzjoni ta’ studios, produtturi u ismijiet ewlenin fl-industrija.

Hawnhekk, wieħed għandu jirrimarka kif fl-2024, dan il-festival daħħal lura kważi €9.7 miljun fl-ekonomija minn investiment ta’ €5 miljun, flimkien ma’ $21.9 miljun f’exposure fil-midja. 

Quddiem dan kollu għandna għalfejn inkunu sodisfatti li l-investimenti li saru matul is-snin kinux flus moħlija kif għad hawn min jgħid, imma ħafna minnhom kienu diretti biex jiġu modernizzati l-faċilitajiet eżistenti li komplew jagħmlu lil pajjiżna ċentru mediterranju jekk mhux ukoll internazzjonali għall-ġbid tal-films.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport