Friday, January 24, 2025

1,000 suldat mill-Koreani ta’ Fuq inqatlu fil-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Rapporti li nħarġu minn uffiċjali tal-Punent jgħidu li fi tliet xhur biss, it-truppi tal-Korea ta’ Fuq li qed jiġġieldu spalla ma’ spalla mar-Russja fil-gwerra kontra l-Ukrajna diġà sofrew kważi 40% vittmi fil-ġlied fir-reġjun ta’ Kursk fil-punent tar-Russja,

L-uffiċjali, li tkellmu b’kundizzjoni ta’ anonimità, qalu li mill-11,000 suldati li ntbagħtu mill-Korea ta’ Fuq, 4,000 kienu vittmi ta’ battalja. Dawn jinkludu dawk maqtula, midruba, nieqsa jew maqbuda priġunieri. Mill-4,000, l-uffiċjali qalu li madwar 1,000 huma maħsuba li nqatlu sa nofs dan ix-xahar.

In-numri ta’ vittmi jindikaw spiża umana straordinarjament għolja li qed iġarrab Kim Jong Un, alleat tal-President Vladimir Putin biex jgħin lil Moska fit-tkeċċija tal-forzi Ukrajni mir-Russja qabel kwalunkwe negozjati possibbli għal waqfien mill-ġlied aktar tard matul is-sena.
F’Awwissu, l-Ukrajna nediet sensiela ta’ attakki fuq ir-reġjun Russu ta’ Kursk u ħasdet lill-gwardji tal-fruntiera Russi.

Il-gvern Ukren dakinhar iżda kien għamilha ċara li ma kellu l-ebda intenzjoni li jżomm it-territorju maqbud, iżda sempliċement kien se jużah bħala ċippa f’negozjati futuri għal paċi.
Il-kisbiet bikrin tal-Ukrajna f’Kursk minn dakinhar ġew imbuttati lura b’mod kostanti wara l-wasla fir-Russja ta suldati mill-Korea ta’ Fuq f’Ottubru tas-sena l-oħra. Iżda l-Ukrajna għad għandha l-kontroll ta’ mijiet ta’ kilometri kwadri ta’ territorju Russu u qed tikkawża telf kbir lill-Kremlin.

It-truppi tal-Korea ta’ Fuq, allegatament minn unità “elite” msejħa Storm Corps, jidhru li ġew mitfugħa fuq quddiem fil-battalja bi ftit taħriġ jew protezzjoni. Dawn bilkemm huma truppi mħarrġa u mmexxija minn uffiċjali Russi li ma jifhmux, jgħid l-eks kmandant tal-Armata Brittanika, il-Kulunell Hamish de Bretton-Gordon.

Rapporti persistenti attribwiti lill-intelliġenza tal-Korea t’Isfel jgħidu li s-suldati tal-Korea ta’ Fuq mhumiex ippreparati għar-realtajiet tal-gwerra moderna, u jidhru speċjalment vulnerabbli meta qed ikunu fil-mira tad-drones FPV Ukreni.

Minkejja din l-evalwazzjoni, l-ogħla kmandant militari tal-Ukrajna l-Ġneral Oleksandr Syrskyi wissa aktar kmieni din il-ġimgħa li s-suldati tal-Korea ta’ Fuq kienu qed joħolqu problema sinifikanti għall-ġellieda Ukreni fuq il-linja ta’ quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport