Matul is-sena li għaddiet fil-Qrati ta’ Malta ġew ippreżentati 106 kawżi ta’ separazzjoni filwaqt li fil-Qorti t’Għawdex ġew ippreżentati 39 kawża.
Dan ħareġ hekk kif il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
Il-Ministru Attard qal li fil-każ tal-kawżi li ġew ippreżentati fil-Qorti ta’ Malta għad hemm 99 minnhom pendenti filwaqt li 7 ġew deċiżi. Min-naħa l-oħra fil-Qorti t’Għawdex għad hemm 25 li għadhom pendenti filwaqt li 14 ġew deċiżi.
Aktar minn hekk matul is-sena li għaddiet ġew ippreżentati wkoll 327 kawża ta’ separazzjoni bonarja f’Malta filwaqt li f’Għawdex ġew ippreżentati 15-il kawża.
Mill-kawżi ta’ Malta 309 ġew itterminati filwaqt li 18 għadom pendenti. Għal kawżi f’Għawdex 8 ġew itterminati u 7 għadom pendenti.