Sunday, November 3, 2024

Nisa Under 19: Malta kontra l-Irlanda ta’ Fuq għall-ewwel post

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti li qed jieħu sehem f’League B Grupp 1 Tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA Under-19, li qed isir fl-Irlanda ta’ Fuq, illum se jilgħab it-tielet logħba kontra l-Faroe Islands wara li mill-ewwel żewġ logħbiet kiseb erba’ punti daqs l-Irlanda ta’ Fuq li llum ukoll jiltaqgħu kontra l-Azerbaijan.

It-team Malti beda bi draw ta’ 1-1 kontra l-Irlandiżi u wara għeleb lill-Azeri 2-1 fejn fiż-żewġ partiti l-Maltin kienu goal minn taħt iżda rnexxielhom jiskorjaw it-tliet goals fit-tieni taqsima biex b’hekk urew karattru li jibqgħu jissieltu sakemm jiksbu r-riżultat li jixtiequ.

Vantaġġ favur l-Irlandiżi huwa li għandhom differenza superjuri tal-goals ta’ 6-1 favur wara li fit-tieni logħba kontra l-Faroes ħarġu rebbieħa 5-0

Min-naħa tal-Maltin id-differenza tal-goals hija ta’ wieħed – 3-2 – għaldaqstant iridu jippruvaw jiskorjaw kemm jistgħu biex ikollhom iċ-ċans li jispiċċaw fil-quċċata tal-grupp għalkemm wieħed ma jafx jekk l-Azeri jżommux lill-Irlandiżi milli jiksbu r-rebħa.

Iż-żewġ logħbiet tal-lum, Irlanda ta’ Fuq kontra Azerbaijan u Malta kontra l-Faroe Islands, se jibdew it-tnejn fit-3.00 pm. 

Sport