11-il membru ta’ familja mafjuża Ming magħrufa sew, ingħataw il-forka fiċ-Ċina wara li f’Settembru li għadda instabu ħatja u ngħataw sentenza ta’ mewt għal diversi reati kriminali. Il-familja mafjuża Ming kienet tmexxi ċentri ta’ frodi fil-Myanmar tul il-fruntiera tal-grigal maċ-Ċina skont rapport tal-midja tal-istat.
Is-sentenza tal-mewt minn qorti fil-provinċja ta’ Zhejiang fiċ-Ċina ingħatat għal diversi reati inkluż omiċidju, detenzjoni illegali, frodi u t-tħaddim ta’ ħwienet tal-logħob tal-azzard.
Il-Mings kienu waħda mill-ħafna familji li kienu jmexxu l-belt ta’ Laukkaing, u trasformaw belt fqira u remota f’ċentru attraenti ta’ każinojiet u distretti tal-prostituzzjoni.
L-imperu tal-frodi tagħhom sfaxxa fl-2023, meta ġew arrestati u mgħoddija liċ-Ċina minn milizzji etniċi li kienu ħadu l-kontroll ta’ Laukkaing waqt eskalazzjoni fil-kunflitt tagħhom mal-armata tal-Myanmar.
Wara tkissir tal-famlija mafjuza Ming, n-negozju issa mexa għal ħdejn il-fruntiera tal-Myanmar mat-Tajlandja, u lejn il-Kambodja u l-Laos, fejn iċ-Ċina ma tantx għandha influwenza.
Mijiet ta’ eluf ta’ nies ġew traffikati biex iwettqu frodi online fil-Myanmar u bnadi oħra fix-Xlokk tal-Asja, skont stimi min-Nazzjonijiet Uniti. Fosthom hemm eluf ta’ Ċiniżi, u l-vittmi tagħhom prinċipalment Ċiniżi wkoll li ġew misruqa biljuni ta’ dollari minnhom.
Ir-rifjut tal-militar tal-Myanmar li jwaqqaf in-negozju tal-frodi, li kważi ċertament kien qed japprofitta minnu, ġab sitwazzjoni frustranti għaċ-Ċina tant li appoġġjat offensiva minn alleanza etnika ribelluża fl-Istat ta’ Shan fl-aħħar tal-2023.
L-alleanza ħatfet territorju sinifikanti mingħand il-militar u ħakmet lil Laukkaing, belt ewlenija tal-fruntiera. Il-ħdax-il membru tal-familja Ming huma l-ewwel mill-kapijiet tal-frodi tal-Myanmar li ngħataw il-forka fiċ-Ċina. Iżda żgur li mhux se jkunu l-aħħar.
Ħames membri tal-familja Bai ġew ikkundannati wkoll għall-mewt f’Novembru li għadda, u l-proċessi ta’ żewġ gruppi oħra ta’ akkużati mill-familji Wei u Liu għadhom ma ġew konklużi.
Il-proċess tal-familja Ming sar wara bibien magħluqa, għalkemm aktar minn 160 persuna tħallew jattendu s-seduta tas-sentenza tagħhom is-sena l-oħra, inklużi familji tal-vittmi.
L-operazzjonijiet ta’ frodi u l-lokal tal-logħob tal-azzard tal-mafja Ming ġabu aktar minn 10 biljun wan Ċiniż (£1 biljun) bejn l-2015 u l-2023, skont l-ogħla qorti taċ-Ċina, li ċaħdet l-appelli tagħhom f’Novembru. Ir-reati tagħhom irriżultaw fil-mewt ta’ 14-il ċittadin Ċiniż u l-korrimenti ta’ ħafna oħrajn.
Aktar minn 20 oħra mill-familja Ming ingħataw sentenzi ta’ ħabs f’Settembru li jvarjaw minn ħames snin sa għomor il-ħabs. Ming Xuechang, il-patrijarka tal-klann, qatel lilu nnifsu fl-2023 waqt li pprova jevita d-detenzjoni.
L-ammissjonijiet ta’ dawk li ġew arrestati xxandru f’dokumentarji tal-istat, biex jenfasizzaw ir-riżoluzzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi li jeqirdu n-netwerks ta’ frodi.
Il-Mings kienu fost numru żgħir ta’ familji simili għall-Godfather li telgħu fil-poter f’Laukkaing fil-bidu tas-snin 2000. Dan wara li l-kap tal-gwerra tal-belt ta’ dak iż-żmien tneħħa f’operazzjoni militari mmexxija minn Min Aung Hlaing, li sar il-mexxej tal-gvern militari tal-Myanmar wara l-kolp ta’ stat tal-2021.

