Minn tal-inqas 11-il persuna nqatlu fi sparatura tal-massa f’hostel fl-Afrika t’Isfel. Fost il-vittmi hemm tifel ta’ tliet snin.
Erbatax-il persuna oħra sfaw midruba meta rġiel armati fetħu n-nar fil-binja li tinsab f’Saulsville, kmieni s-Sibt filgħodu.
“Tal-inqas tliet persuni mhux magħrufa daħlu fil-hostel fejn kien hemm grupp ta’ persuni jixorbu u allegatament bdew jisparaw b’mod każwali”, qalet il-kelliema tal-pulizija, il-Brigadier Athlenda Mathe.
Għadu mhux magħruf il-motiv wara l-isparatura u s’issa ma saru l-ebda arresti b’rabta ma’ dan il-każ.
L-allegati aggressuri daħlu fil-hostel għall-ħabta tal-4.30 a.m. (ħin lokali) u fetħu n-nar fuq numru ta’ persuni li kien hemm fil-post. Tifel ta’ 12-il sena u tfajla ta’ 16-il sena kienu wkoll fost dawk maqtula f’dan l-attakk.
Il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija għat-tliet suspettati filwaqt li qed jinvestigaw jekk dan il-qtil kienx relatat ma’ bar ġewwa l-hostel li allegatament seta’ kien qed ibigħ l-alkoħol b’mod illegali.


