Il-President George Vella qal li t-tnax-il persuna li temmew b’suċċess il-programm residenzjali terapewtiku ta’ Caritas Malta huma riflessjoni ta’ ħidma kollettiva biex illum għandhom tmun u kumpass aħjar biex jegħlbu l-isfidi li toffri l-ħajja.
Il-President Vella tenna li l-problema ta’ dipendenza spiss tiżviluppa minħabba problemi oħra madwarha jew personali. “Għalhekk, b’rispett assolut, nemmen li l-vuċi ta’ dawk li jiżviluppaw dipendenza minħabba l-użu ta’ xi sustanza jew imġiba oħra bħalma huwa l-logħob tal-azzard, għandha tibqa’ l-fulkru fuqiex infasslu l-politika soċjali tagħna”, qal il-President. Żied jgħid li d-djalogu u r-rispett bejn dawk involuti fil-proċess ta’ riabilitazzjoni huma għodod kruċjali biex “iż-żerriegħa tat-tama li tkun nibtet xhur, jekk mhux snin, qabel, issib ambjent ġust biex tiżviluppa fi fjur ġdid li jiftaħ u jwarrad”.
Lill-ħdax-il raġel u lill-mara li temmew b’suċċess il-programm, il-President qalilhom li għandhom ikunu tassew kburin mhux biss b’din il-kisba, iżda wisq aktar bil-proġetti u bil-ħbiberiji ġodda li se jagħmlu mil-lum ’il quddiem. Dan tal-lum, qal il-President, mhux tmiem, iżda bidu ta’ fażi oħra f’ħajjithom, li se jgħixu msaħħa minn dak kollu li tgħallmu matul il-programm ta’ Caritas Malta. F’każ li xi ħadd minnhom jerġa’ jaqa’ fid-dipendenza, il-President qalilhom li għal darb’oħra se jsibu lil kulħadd b’dirgħajh miftuħa biex jerġgħu jimxu magħhom biex jerġgħu lura fuq saqajhom ’il bogħod mid-dipendenza.
Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha fi ħdan Caritas Malta, il-President qal li ta’ min jammira l-professjonalità tagħhom flimkien mad-determinazzjoni biex jixprunaw lil min ikun tilef il-bilanċ lejn ħajja aktar kompluta u f’saħħitha. “Flimkien ma’ professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni intom qed tkunu niċċa importanti fil-ħajja ta’ ħafna nies u mudell għal ġenerazzjonijiet żgħar”, qal il-President.